Ftakar Fija

Mulej, ftakar fija meta tiġi fis-saltna tiegħek. Ngħidlek is-sewwa li llum tkun fil-Ġenna miegħi. (Luqa 23:42, 43)

Tasal is-siegħa meta kull wieħed minna jrid jħalli din id-dinja. Il-mewt iġġib fi tmiemha l-ħajja f’din l-art, u tiftaħ il-bieb għal ħajja oħra, fil-preżenza t’Alla fil-Ġenna jew ’l bogħod minnu fl-Infern.

Ħabib, ippermetti nagħmillek mistoqsija serja. Taf x’inhu d-destin etern tiegħek; taf fejn sejjer wara li tmut? Fl-evanġelju l-Mulej Ġesù jagħtina tama ħelwa u ġenwina lil dawk kollha li jafdaw fih.

Wieħed mill-irġiel msallba ma’ Kristu, illum jinsab il-Ġenna. Dakinhar stess li ħalla din id-dinja mar mal-Mulej fil-glorja. Dan nafuh għaliex il-wegħda ta’ Kristu ma tistax tfalli. Ladarba qallu, ‘Illum tkun miegħi’, nistgħu nibqgħu ċerti li hekk ġara - illum, dakinhar stess li miet, mar igawdi lil Kristu.

Imma nistaqsu, għaliex mar il-Ġenna? Forsi kien raġel bla dnub? Forsi kien raġel ġust għax għamel opri tajba u għex ħajja qaddisa? Forsi kien jistħoqqlu l-Ġenna?

Jekk kienx bla dnub jew le tgħidilna l-Iskrittura; tintroduċih ma’ sieħbu bħala ‘żewġ ħatjin’. Kien bniedem li għix fil-ħażen. Kien ħalliel. Hu stess stqarr li kien ħaqqu l-mewt. Lil sieħbu qallu, ‘Aħna qegħdin hawn għax jistħoqq għemilna.’ Le, ma marx il-Ġenna għax kien bla dnub; qiegħed il-Ġenna minkejja l-kotra ta’ dnubiet tiegħu.

Jew forsi nistgħu ngħidu li wara li ikkonverta għix ħajja hekk tajba li fl-aħħar kien jimmerita l-ħajja ta’ dejjem? Kieku kellu l-opportunità, bla dubbju, ħajtu kienet tinbidel mil-lejl għan-nhar. Imma ma kellux iċ-ċans; miet ftit wara li kkonverta. Le, dan ir-raġel ma marx il-Ġenna fuq il-merti tal-opri tajba tiegħu.

Fejn mela se nsibu r-raġuni għas-salvazzjoni tiegħu? Ma sabx is-salvazzjoni fih innifsu, jew f’dak li għamel b’idejh, imma f’Dak il-Bniedem Ġust imsallab ħdejh – fi Kristu! L-appell tiegħu kien biss għall-ħniena ta’ Kristu, ‘Mulej, ftakar fija meta tiġi fis-saltna tiegħek.’ Il-maħfra u l-mertu sabhom fil-Mulej Ġesù, u aħna, jekk nagħmlu bħalu, insibu l-fidwa tagħna wkoll.

X’se tkun t-tama tiegħi meta nasal fl-aħħar nifs ta’ ħajti? Forsi ngħid, ‘Jien ħaqqni l-Ġenna għax m’inix midneb’? Jew forsi, ‘Jien ħaqqni l-Ġenna għax jien bniedem ġust’? Le, żgur li le! Bħall-ħalliel nistqarr u nibqa’ nistqarr li jien midneb, jien ħati, jien ħaqqni l-kundanna; u mal-appostlu Pawlu, u ma dawk kollha li kellhom il-privileġġ jgħixu ħafna snin għall-Mulej, ilkoll nammettu li ‘mhux bl-opri tajba li konna għamilna, iżda skond il-ħniena tiegħu salvana’ (Titus 3:5).

X’se tkun mela l-fiduċja tiegħi fuq is-sodda tal-mewt? Il-Mulej Ġesù. Il-Mulej Ġesù biss! Jien konvint li jekk illum insejjaħ ismu u nitolbu, ‘Mulej ftakar fija,’ dakinhar il-Mulej mhux se jinsieni, dakinhar jiftakar fija, dakinhar jeħodni miegħu l-Ġenna.

U inti ħabib, tlabtu minn qalbek, 'Mulej, ftakar fija'?