Għotja lil Alla

Kont għadni daqsxejn ta’ tfajjel immur l-iskola tas-soru. Darba ommi tatni tmintax rbieghi (12c5) biex nagħtiha lis-soru. Xi jiem wara s-soru qassmet rigali mgeżwrin fil-brown-paper lit-tfal kollha tal-klassi. Qaltilna biex nagħtuhom lill-mamà fl-okkażżjoni ta’ Jum l-Omm. Niftakar sew kemm ferħet ommi bir-rigal tieghi – vażett ċkejen taċ-ċeramika ta’ lewn ħadrani. (Dan il-vażett għandu sal-lum fuq xkaffa fid-dar tal-ġenituri tiegħi).

Meta kbirt irrejalizzajt li r-rigal li tajt lil ommi kienet ħallset għalih hi stess!

F’sens aktar profond, x’nista’ nagħti jien lil Alla, il-Ħallieq u Sid is-sema u l-art? X’nista’ nagħtih jekk mhux dak li provdieli hu stess? Bħalma tgħid l-Iskrittura, “Min qatt ta l-ewwel lilu, biex lilu jinrtadd, għax minnu, u bih, u għalih, huma l-ħwejjeġ kollha” (Rumani 11:35, 36). Aħna totalment dipendenti fuq Alla: ħalaqna hu, tana l-ħajja u jżommna fl-eżistenza. “Aħna fih ngħixu u nitħarrku, u għandna l-eżistenza tagħna” (Atti 17:28). Kull nifs li nieħdu ġej minnu.

Għall-kuntrarju, Alla jeżisti fih innifsu, bla bidu, bla tmiem, u ma jiddependi fuq ħadd. M’għandux bżonn tal-anġli jew tal-bnedmin. Hu perfettament kuntent fih innifsu, kif kien mill-eternità qabel il-ħolqien. Aħna ma nistgħu nżidulu xejn. “Lanqas hu moqdi minn idejn il-bnedmin, bħalkieku jeħtieġ xi ħaġa, ladarba hu jagħti lil kulħadd il-ħajja u n-nifs u kollox” (Atti 17:24).

Kien hemm żmien meta kont naħseb li nista’ nixtri s-salvazzjoni ta’ ruħi – ngħix tajjeb, nitlob, immur il-knisja, nagħmel xi penitenza – insomma, naħdem biżżejjed biex fl-aħħar ikun ħaqqni l-Ġenna. Wara xahar xogħol nippretendi bi dritt li min iħaddimni jagħtini l-paga. L-employer huwa midjun miegħi u jien ħaqqni ħlasi.

Imma kif qatt nista’ nimmaġina li Alla jkun midjun miegħi? Kemm għandi bżonn nisma’ ċ-ċanfira ħelwa tal-Iskrittura, “Min qatt ta l-ewwel lil Alla, biex lilu jinrtadd?” Jekk nobdih, dan mhux id-dmir tiegħi? X’inkun għamilt speċjali? Mhux biss, lil Alla jien sikwit ma obdejtux u ksirt il-kmandamenti tiegħu, u għalhekk, jekk xejn, ħaqqni l-kundanna u l-kastig. Iżda minflok tani dak li jistħoqqli, Alla ħafirli ħtijieti u laqgħani fi ħdanu skont il-ħniena tiegħu. Meta sabni bla fejda u ħati, tani l-aqwa għotja – lil Ibnu Ġesù biex imut għalija fuq is-salib!

X’rigal naqbad nagħti lil Alla? Xejn ma nista’ noffrilu ħlief l-għotja ta’ tifħir u ringrazjament għall-ġid kollu li għamel miegħi – talli ħalaqni u jżommni ħaj, għall-ġenituri, ħuti, ħbiebi, għall-mara u t-tfal li tant iferrħuni – imma fuq kollox nirringrazzjah għal Ġesù, li fih jien insib il-milja ta’ ħajti. Naf li l-għotja tiegħi – qalbi stess – xtraha hu bid-demm ta’ Ibnu. Ommi kienet ħadet ġost bir-rigal ‘tiegħi’ u naf żgur li Alla wkoll jifraħ bl-imħabba ta’ wliedu.