Il-faraġ fil-mewt

Aktar ma nikber fiż-żmien aktar nirrealizza li l-vjaġġ qasir tiegħi f'din id-dinja għad jasal fi tmiemu. Nistqarr li mhux dejjem għamilt it-tajjeb, u mhux dejjem obdejt ‘l Alla. Il-ħsieb li jien, midneb, irrid nidher quddiem Alla ġust u qaddis hu tassew tal-biża’.

X’tama jista’ jkolli jien fuq is-sodda tal-mewt biex immut fil-paċi?

Il-patri Benedittin, Anselmu ta’ Canterbury, jindirizza lil moribond f’sensiela ta’ mistoqsijiet u tweġibiet -

Mistoqsija: Temmen li il-Mulej Ġesù Kristu miet għalik?
Tweġiba: Iva, nemmen.

Mistoqsija: Tirringrazzjah għall-passjoni u l-mewt tiegħu?
Tweġiba: Iva, nirringrazzjah.

Mistoqsija: Temmen li ma tistax issalva ħlief bil-mewt tiegħu?
Tweġiba: Iva, nemmen.

Ladarba jikkonferma li tassew jemmen fi Kristu, Anselmu jfarrġu b’dan il-kliem:

“Ejja mela, sakemm għad fadal fik in-nifs, ħa jkollok fiduċja sħiħa fil-mewt tiegħu biss, ħa ma jkollok ebda fiduċja f’xejn aktar, afda lilek innifsek f’mewtu, b’mewtu għatti lilek innifsek, u jekk il-Mulej Alla tiegħek jitlob minnek il-ħaqq, għidlu, ‘Mulej, bejni u bejn il-ġudizzju tiegħek, noffri l-mewt tal-Mulej Ġesù Kristu; m’għandi ebda difiża oħra quddiemek.’ U jekk jgħidlek li inti midneb, għidlu, ‘Mulej, inqiegħed il-mewt tal-Mulej Ġesù Kristu bejnek u dnubieti.’ Jekk jgħidlek li ħaqqek il-kundanna, għid, ‘Mulej, inqiegħed il-mewt tal-Mulej Ġesù Kristu bejnek u l-għemejjel ħżiena tiegħi; u noffri l-merti tiegħu minflok il-merti li messni għandi u m’għandix.’ Jekk jgħidlek li mgħaddab għalik, għidlu, ‘Mulej, inpoġġi l-mewt tal-Mulej Ġesù Kristu bejni u l-għadab tiegħek.’ U meta tkun lestejt, għid mill-ġdid, ‘Mulej, inqiegħed il-mewt tal-Mulej Ġesù Kristu bejni u bejnek.’”

Dak li kien jgħodd elf sena ilu fi żmien Anselmu, għadu jgħodd għalija llum. Jien midneb bħan-nies ta’ qabel, Alla jibqa dejjem ġust u rett, u l-Mulej Ġesù għadu sal-lum isalva lil dawk li bih jersqu lejn Alla.

Jekk nafdaw fi Kristu, l-Iskrittura tassigurana li “Alla jirrikmanda l-imħabba tiegħu lilna, billi meta konna għadna midinbin, Kristu miet għalina. Aktar u aktar mela, billi aħna ġġustifikati b’demmu, inkunu salvati mill-għadab permezz tiegħu” (Rumani 5:8-9).

Din mela hi l-unika tama tiegħi: Kristu miet għalija! F’dak il-jum, il-Mulej jeħlisni mill-għadab u l-kastig li ħaqqni għax minn issa stess Alla jgħoddni ġust minħabba d-demm li Kristu xerred għall-maħfra ta’ dnubieti.

Ippermettili nistaqsik, ħabib, inti qiegħed tafda s-salvazzjoni ta’ ruħek fi Kristu? Tibżax tammetti m'Alla d-dnubiet tiegħek, u għidlu: ‘Mulej, inqiegħed il-mewt tal-Mulej Ġesù Kristu bejni u bejnek.’