Ftaħir jew Fiduċja

Hemm periklu li tkun reliġjuż. Huwa sewwa li tgħix tajjeb, titlob u tmur il-knisja, imma huwa ħażin meta tibda taħseb li int xi ħaġa u tara lil oħrajn dubbien.

Darba Ġesù qal parabbola lil “x’uħud li kienu jafdaw fihom infushom li huma nies sewwa u kienu jżebilħu l-oħrajn” (Luqa 18:9-14). Mela żewġt irġiel telgħu fit-tempju jitolbu. Wieħed kien Fariżew, meqjus minn kulħadd bħala raġel tar-ruħ u li jimxi skond il-liġi; l-ieħor, il-publikan, ma tantx kellu fama tajba.

Il-Fariżew qagħad bil-wieqfa jitlob fih innifsu, “O Alla niżżikħajr li miniex bħan-nies l-oħra, ħattafin, bla ħaqq, adulteri, jew ukoll bħal dan il-publikan. Insum darbtejn fil-ġimgħa u nagħti l-għexur ta’ kulma għandi.” Qagħad jiftaħar quddiem Alla bil-CV reliġjuż u morali tiegħu.
L-ieħor, miskin, ma tantx kellu kwalifiki! Waqaf il-bogħod u ma riedx biss jerfa’ għajnejn lejn is-sema. Talab biss, “O Alla, kun ħanin miegħi midneb.”

Ma liema wieħed minn dawn it-tnejn tqabbel lilek innifsek? Forsi wieħed jirrispondi, “Jien ngħix ħajja tajba u nagħmel milli nista’ biex nogħġob ‘l Alla. Imma jien m’inix Farizew għax jien nemmen li bl-għajnuna u l-grazzja t’Alla jien sirt bniedem ġust.” Madankollu hekk ukoll kien jaħseb il-Fariżew. Ma qalx li wasal fejn wasal bil-ħila personali tiegħu, imma rringrazzja ‘l Alla għas-suċċessi u t-tjieba li kiseb. Bi ftit umiltà ipprova jgħatti l-kburija ta’ qalbu.

U l-kburija ma ħallitux jara lilu nnifsu kif tassew kien, midneb! Qabbel lilu nnifsu ma nies agħar minnu biex jidher u jħossu tajjeb. Kien messu ħares lejn Alla fil-glorja u l-qdusija tiegħu li quddiemu anke l-anġli jgħattu wiċċhom. M’hemm ħadd tajjeb, qal f’post ieħor Ġesù, ħlief wieħed, Alla.

Forsi għalhekk qal ukoll x’imkien ieħor li l-prostituti u l-publikani jidħlu qabel l-fariżej fis-saltna tas-smewwiet. Ħadd minnhom ma ħaqqu jidħol, imma tal-ewwel għandhom ċans akbar jammettu li huma midinbin u jduru lejn Alla. Bħalma għamel il-publikan fil-parabbola. Ikollok ħniena, talbu. Fi kliem ieħor, tagħtinix dak li jistħoqqli. Nammetti li jien midneb, li ħaqqni il-kundanna u l-kastig għal għemili. Ikollok ħniena minni, midneb. Ma nista’ noffrilek xejn għajr il-ħazen u l-ħtija tiegħi, u għalhekk nappella biss għat-tjieba tiegħek. Kliemu kienu ftit, imma qalbu kienet niedma u umli, u Alla sema’ l-għajta tiegħu.

Dawn mela huma ż-żewġ alternattivi. Li nippretendu li aħna sewwa m’Alla għax nistinkaw biex ngħixu ħajja tajba, jew, ma nippretendu xejn għajr li aħna bla fejda, u nappellaw biss għall-ħniena ħelwa t’Alla. Dan jgħodd għal kulħadd, speċjalment għal dawk fostna li huma l-aktar reliġjuzi. Aħna wkoll jeħtieġ li numiljaw ruħna, nagħrfu li aħna wkoll midinbin, u nafdaw f’Alla, u xejn fina nfusna.

Ġesù spiċċa billi qal, “Ngħidilkom dar-raġel niżel daru ġġustifikat aktarx milli l-ieħor; għax kull min jitgħolla jitniżżel; u kull min iċekken lilu nnifsu jitgħolla.” Il-publikan kien iġġustifikat, meqjus minn Alla bħala ġust, filwaqt li l-ieħor, li kien iqis lilu nnifsu bħala raġel sewwa, kien meqjus minn Alla li ma kienx! Allaħares nistennew sal-ġudizzju tal-aħħar biex nispokru dan l-iżball fatali.