Fil-Għadab Ftakar fil-Ħniena

Meta kont żgħir kont pittma għall-ikel. Illum niekol kollox (minbarra l-kirxa), u nixxennaq għal platt minestra bil-ġbejniet friski kif kienet taf tagħmel ommi.

Fir-reliġjon nafu nkunu pittma wkoll. Nagħżlu dak li jogħġobna u nwarrbu dak li ma jdoqqx għal widnejna. Pjaċevoli l-idea li Alla huwa mħabba, imma nitqarrsu jekk xi ħadd isemmi l-għadab t’Alla. Ir-rabja u Alla ma jmorrux flimkien, għallanqas dak ‘alla’ immaġinarju li bħall-idoli tal-qedem naqqaxna, mhux bl-iskalpell fil-ġebel, imma fi ħsibijietna. Madankollu Alla li naqraw fuqu fil-Ktieb, kif wera lilu nnifsu, hu Alla li jħobb u jirrabja wkoll.

Meta nirrabjaw aħna sikwit nitilfu l-kontroll u niżbaljaw – taqbżilna u wara jiddispjaċina għal dak li nkunu għidna u għamilna. Mhux hekk il-korla t’Alla. Ir-rabja tiegħu hi ġusta, qaddisa u f’waqtha.

Kif tista’ r-rabja tkun ġusta?

Liema omm ma ssirx tigra jekk taqbad lil xi ħadd jabbuża minn uliedha? Ikollok raġun tisħon jekk xi ħadd jisirqek jew jaqla’ l-malafami fuqek? Jew jekk drug pusher, li għal qligħ moqżież jeqred bla skruplu l-ħajja ta’ tant żagħżagħ, jinqabad, imma joħroġ liberat mill-qorti - tirrabja? Ikollok raġun? Trid tkun bla demm biex tibqa’ ċass quddiem l-inġustizzja u l-krudeltà.

Mela kif taħseb li jħossu Alla – hu li jħobb il-ġustizzja ferm aktar minna u li jrid biss il-ġid lill-ħlejjaq tiegħu – meta minflok nirringrazzjawh u nobduh mill-qalb, ninjorawh, nidgħu b’ismu u nisfidawh? Għandu raġun jirrabja? Infatti Alla, ladarba hu perfettament ġust, bilfors jopponi l-ħażen u jikkastiga d-dnub.

L-Iskrittura twissina li minn issa l-korla t’Alla tidher kontra l-ħażen tagħna lkoll. Madankollu dan hu żmien ta’ grazzja u sabar li fih Alla qed isejħilna biex induru lejh. Twissina wkoll li dawk li jwebbsu rashom qed jiġimgħu għalihom korla għal jum il-korla (Rum 1:18; 2:5, 6). Għad ikun Kristu li ‘jisħaq l-inbid ibaqbaq fil-magħsra tal-korla t’Alla li jista’ kollox’ (Riv 19:15).

Mhux ta’ b’xejn li l-profeta jappella lill-Mulej, ‘Fil-għadab ftakar fil-ħniena!’ (Ħab:3:3).

L-istess Kristu huwa l-uniku protezzjoni u ħelsien mill-għadab ġust t’Alla kontrina l-midinbin. Dawk li tassew jemmnu fih huma ġustifikati b’demmu u għalhekk jistgħu ikunu kunfidenti li se jsalvaw mill-korla ta' Alla permezz tiegħu (Rum 5:9). Dawk mela li jafdaw fih u jimxu miegħu jistgħu jħarsu ‘l quddiem b’kunfidenza għax jafu li ‘Alla ma għażilniex għall-għadab, imma biex niksbu s-salvazzjoni permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu’ (1 Tess 5:9).