Kuruna tax-Xewk

‘Ġesù tiegħi rasek l-għażiża; Min niggiżlek b’dak ix-xewk?’

Kont għadni daqsxejn ta’ tfajjel meta smajt din il-mistoqsija profonda. Kont ma’ ommi, niftakar, fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira tax-Xagħra, Għawdex. Il-mużika funebri flimkien mal-ħsieb li jien kelli ħtija għat-tbatija u l-passjoni ta’ Ġesù mlew qalbi bi dwejjaq kbar.
'Kienu ’l ħafna dnubiet tiegħi
Ġesù twajjeb, aħfer u ħenn.'
Erbgħin sena wara, il-kontemplazzjoni tas-salib ta’ Kristu għadu jnissel fija sens ta’ ħtija u mistħija. Jekk xejn illum nifhem aktar kemm offendejtu bi dnubiet kotrana; iva, kont jien ukoll li nsiġt u libbistlu kuruna tax-xewk.

Imma l-Kalvarju m’għandux ikun post ta’ indiema u biki biss. Is-salib mhux il-kundanna tal-midneb, imma l-ħelsien tiegħu. Filwaqt li d-dnubiet tiegħi wasslu għall-mewt ta’ Kristu, il-mewt tiegħu kienet għalija l-għajn ta’ ħajja. Bħaż-żerriegħa li tinxteħet fl-art u tmut biex minnha tinbet u tikber xitla ġdida, hekk hi l-mewt tal-Messija għalija.

Kristu ma mietx b’aċċident; miet skond il-pjan etern t’Alla biex jikseb il-fidwa tal-poplu tiegħu. Lanqas ma miet intortament jew inġustament. Nitkexkex nikteb hekk fuq Ġesù, il-qaddis t’Alla, li twieled u għix mingħajr qatt ma għamel l-iċken dnub, u li dejjem u f’kollox obda l-Missier: hu li kien bla dnub, ma kienx mingħajr dnub fuq is-salib.

Id-dnub li ġarr fuq is-salib ma kienx tiegħu. Il-profeta jitkellem f’isem il-poplu t’Alla u jgħid li ‘l-Mulej xeħet fuqu l-ħażen tagħna lkoll’, u jerġa’, ‘il-ħażen tagħhom jitgħabba bih hu’ (Ara Isaija 53). Dak kien id-dnub li minħabba fih Kristu miet! ‘Ħu kien miġruħ minħabba fi dnubietna, misħuq minħabba fi ħżunitna.’ Bir-raġun mela li l-poeta jwaħħal fija għat-tbatija ta’ Ġesù: kienu il-ħafna dnubiet tiegħi li niggżu rasu bix-xewk.

F’dan id-dlam ifiġġ id-dawl jiddi tas-sema. Minħabba li Kristu tgħabba bid-dnubiet tiegħi, jien ħlist mill-ħtija li altrimenti kienet tkun għalija it-telfien għal dejjem fl-infern. It-toqol li kien fuq spallti, ħaduli u ħelisni minnu. Hu ħa l-kastig li kien jixraq lili. Hu ‘neħħa l-ħtijiet tal-kotra, u ndaħal għall-midinbin.’ Neħħa l-ħtija tiegħi ukoll! Jien ħieles!

Għalhekk is-salib ma jnissilx fija swied ta' qalb biss, imma jġegħlni nkanta u naqbeż bil-ferħ. Ix-xewk li niggeż ir-ras ta’ Kristu, lili kisibli l-kuruna tal-ħajja. Is-salib li fuqu ċarċar demmu s-Salvatur, għalija sar l-pont li jwassal sas-sema u jħabbibni mal-Missier.

Meta nitolbu, ‘Ġesù twajjeb, aħfer u ħenn,’ naf żgur li jismagħni. Alla jista’ jaħfirli għax Kristu tgħabba bi dnubieti. Ix-xewk, l-agunija u l-mewt tal-Iben huma r-raġuni għaliex Alla ġustament jista’ jeħlisni mill-ħtija u l-kastig. Għalhekk is-salib huwa l-monument tal-ħniena t’Alla. Minħabba fih iħenn għalija; minħabba s-salib Alla jaħfirli!