Rabta bl-Ilsien

Iż-żwieġ bħaċ-ċurkett. Prezzjuż. Imma jista' jintilef u ma jerġax jinstab.

Is-snin li ili miżżewweġ kienu l-isbaħ żmien ta’ ħajti, u nittama li l-futur ikun aħjar. M’għandi ebda delużjoni li bilfors kollox jibqa’ miexi ward u żahar. Naf li jien u marti se niffaċċjaw aktar provi u tiġrib bħal ma kellna s’issa, jekk mhux akbar. Naf ukoll li aħna dgħajfin u suġġetti għall-iżball bħal kulħadd.

Nirringrazzja 'l Alla għall-ġenituri tiegħi għall-mudell taż-żwieġ li wrewni. Missieri ma kienx raġel ta’ skola u ma jidhirlix li attenda wisq seminars fuq id-dinamika taż-żwieġ. Kien jgħid biss li “ż-żwieġ hu rabta bl-ilsien li ma tinħallx bis-snien!”

Missieri kien jibża’ minn Alla. Għex għal aktar minn ħamsin sena m’ommi biex iwettaq il-wegħda li kien għamlilha dakinhar tat-tieġ: li jkun fidil lejha fir-risq it-tajjeb u l-ħażin, fis-saħħa u fil-mard, u li jħobbha u jirrispettaha tul ħajtu kollha.

Kellhom il-problemi tagħhom imma ma kienx jgħaddilhom minn moħħhom li jaqbdu ħwejjiġhom u jitilqu 'l hemm. Tgħallmu jirranġaw kull differenza, jieħdu paċenzja b’xulxin, u jaħdmu bla heda għall-familja. Għalkemm dgħajjef u għajjien, Missieri baqa’ sal-aħħar jieħu ħsieb martu sakemm il-Mulej ħadu miegħu.

Irrid li bħal missieri ngħix fil-biża t’Alla, b’rispett u ubbidjenza lejh. Wara kollox iż-żwieġ waqqfu hu, il-Ħallieq. Fil-pjan t'Alla, "ir-raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad ma' martu u jsiru ġisem wieħed" (Ġenesi 2:24).

Għalhekk ma nistax npoġġi ’l uliedi, li nħobbhom aktar minn dawl għajnejja, qabel marti. Marti tiġi qabel it-tfal. Lanqas nista’ nagħti priorità lill-karriera. Marti tiġi qabel ix-xogħol. Wisq anqas nista’ nagħti wiċċ lil xi mara oħra. Ir-relazzjoni tagħna hi esklussiva. Kien Alla li waħħadna f’ġisem wieħed, u għalhekk ir-rabta tagħna tiġi qabel kull relazzjoni oħra u kwalunkwe interess ieħor. Wara Alla, marti tiġi l-ewwel.

Irrid niddedika ruħi għal marti, nirrispettaha u naqdiha għax Alla tani lil Joanne biex inħobbha bħalma Kristu jħobb il-knisja (Efesin 5:25). Kristu ta ħajtu għaliha. Anki meta l-knisja tkun indenja u ingrata, Kristu jaħfrilha u jibqa' jħobbha bla waqfien.

Kristu hu l-eżempju tiegħi. Għalhekk ma nistax naħrab mit-tbatija u s-sagrifiċċju fl-impenn tiegħi lejn marti. Lanqas m’għandha tkun ħaġa tqila li nissapporti, nieħu paċenzja u naħfrilha l-ftit nuqqasijiet tagħha meta nitfakar li Kristu jibqa' jaħfirli dnubieti u jieħu tant paċenzja bija.

Nitlob lill-Mulej jgħinni biex, bħal missieri, inżomm "ir-rabta bl-ilsien" u nibqa' nħobb lil marti sal-aħħar nifs ta' ħajti.