L-Arti Sagra

L-arti sagra taf tkun espressjoni sabiħa tal-fidi Kristjana. Imma taf tkun ukoll nsaba u tfixkil spiritwali jekk tintuża ħażin.

L-Iskrittura ma tipprojbixxix il-pittura u l-istatwi. Infatti Alla stess ikkmanda lil Mosè jagħmel serpent tal-bronż u immaġni ta’ żewġ kerubini fuq l-arka. Tassew li l-kmandament jgħid, ‘La tagħmilx għalik suriet minquxa u ebda xbieha ta’ ebda ħaġa li hemm fl-għoli tas-sema, jew isfel fl-art, jew fil-baħar taħt l-art.’ L-Iskrittura tkompli tispjega l-użu ħażin tagħhom, ‘La tmilx quddiemhom, u la tadurahomx, għaliex jiena hu l-Mulej Alla tiegħek, Alla għajjur’ (Esodu 20:5-6). Mela s-sens ta’ dan il-kmandament huwa li m’għandniex nagħmlu statwi biex immilu quddiemhom u nqimuhom.

L-istatwi jsiru idoli meta jsiru oġġetti ta’ qima, jew meta ninsew li huma biss xbihat u nibdew inqisuhom b’mod superstizzjuż, bħallikieku l-istatwa għandha xi qawwa mirakoloża fiha nfisha. Bħalma raġel bir-raġun jgħir għal martu jekk tibda tagħti wiċċ raġel ieħor, hekk Alla jiddispjaċih meta l-poplu tiegħu jagħti l-ġieħ li jistħoqqlu lill-ħlejjaq jew oġġetti bla ħajja.

L-istatwi u l-festi jafu wkoll isiru okkażjoni ta’ eċċess u tbaħrid, kif sfortunatament ġieli jiġri f’pajjiżna. X'ngħidu għall-marċijiet? Żgħażagħ nofshom mneżżgħin, bil-fliexken tal-birra f’idejhom, jagħjtu, jaqbżu u joffendu l-partitarji tal-każin l-ieħor. Dan paganiżmu.

Hemm perikli oħra li m’humiex daqshekk ovvji. Il-ħajja eżemplari tal-qaddisin tista’ tkun mudell għalina biex tressaqna lejn Kristu. Mill-banda l-oħra, ikunu ta’ xkiel jekk nagħmlu mill-qaddisin kompetituri għad-devozzjoni tagħna lejn il-Mulej.

Kristu għandu jkun l-ewwel f’kollox, kif nitgħallmu mill-attitudni umli ta’ ommu. Marija ftaħret fiċ-ċokon tagħha, il-qaddejja tal-Mulej, u l-ferħ tagħha kien li tfaħħar il-kobor tiegħu. Bl-istess mod, Ġwanni l-Battista feraħ meta n-nies bdew imorru għand Ġesù, għax kif qal, ‘Jeħtieġ jikber hu u niċkien jiena’ (Ġwanni 3:30). L-appostlu Pawlu ċanfar lill-Insara meta għamluh il-patrun tal-partit tagħhom. ‘Forsi Pawlu kien li ssallab għalikom,’ ċanfarhom, ‘jew f'isem Pawlu tgħammidtu?’ (1 Korintin 4:13).

Fl-aħħarnett ma rridux ninsew li l-pitturi u l-istatwi huma biss xbihat immaġinarji ta’ Kristu. Dak li naraw fil-pittura u l-iskultura sagra m’humiex xbihat veri u fidili tal-Imgħallem tagħna. Lil Kristu nagħrfuh fil-verità mill-Kotba Mqaddsa, li l-Ispirtu s-Santu juża biex ipinġi x-xbieha tiegħu fuq it-tila ta’ qalbna.

Matul il-pellegrinaġġ tagħna fuq din l-art aħna msejħin biex ngħixu bil-fidi u mhux bil-viżjoni. Fl-istess waqt nittamaw u nistennew dak il-jum imbierek meta niltaqgħu wiċċ imb wiċċ ma’ Kristu. ‘Lilu, għalkemm ma rajtuhx, intom tħobbuh; fih, għad li issa m’intomx tarawh, intom temmnu’ (1 Pietru 1:8). Dakinhar narawh kif tassew hu fis-sbuħija li thenni u tgħaxxaq l-qalb.