Mamà, xi tfisser ‘grace’?


Meta filgħaxija ddaħħal it-tifel fis-sodda, il-mamà tgħidlu xi storja, titlob miegħu, u fl-aħħar tkantalu xi għanja wkoll. Waħda mill-għanjiet favoriti ta' John hija l-ewwel strofa ta’ Amazing Grace.

Amazing grace, how sweet the sound
That saved a wretch like me.
I once was lost but now am found,
Was blind, but now I see.

Tista’ tgħid li tgħallimha bl-amment, imma din il-ġimgħa hekk kif bdiet tkanta, John waqqafha u staqsieha, ‘Mama, x’inhi grace’?

Aħna l-Insara sikwit insemmu l-grazzja t’Alla, u fil-qari tal-Iskrittura ta’ spiss niltaqgħu ma’ din il-kelma. Xi tfisser eżattament ‘grazzja’?

L-Appostlu San Pawl jagħtina tixbiħa sempliċi u ċara. ‘Il-ħlas lil min jaħdem ma jingħaddlux bi pjaċir, imma b'dejn’ (Rumani 4:4). P.P. Saydon jittraduċi l-istess vers, ‘Min jaħdem, il-ħlas ma jingħaddlux bi grazzja, imma bħala dejn.’

X'tgħid jekk fl-aħħar tax-xahar l-employer jgħid lill-ħaddiem, ‘Ħa nagħmillek pjaċir u nagħtik u l-paga’?! Il-ħaddiem għandu dritt jitħallas għal ħidmieti, u l-imgħallem għandu d-dmir jagħtih dak li ħaqqu! Mela grazzja tfisser il-kuntrarju tal-paga jew tal-ħlas mistħoqq għal xi biċċa xogħol. Grazzja hi favur, pjaċir, għotja b’xejn li ma ħdimtx u li m’għandix dritt għaliha.

Il-kunċett ta’ grazzja hu tant sabiħ u fl-istess ħin tant iebes biex nilqgħuh spiritwalment. Nifhmu kif Alla fil-ġudizzju jagħti lil uliedu ħlas għal għemilhom, imma insibuha aktar diffiċli nifhmu li l-istess Skrittura tgħallem li s-salvazzjoni hi grazzja, pjaċir, għotja b’xejn!

Sabiex żgur ma nitfixklux, il-Bibbja tinsisti kemm-il darba li s-salvazzjoni hi grazzja u mhux bl-opri tagħna (Efesin 2:8, 9; Rumani 11:6, 2 Timotju 1:9).

Dan jitlob minna umiltà. Meta nfittxu ‘l Alla għas-salvazzjoni ta’ ruħna, ma nistgħux nersqu lejh bħallikieku ħaqqna xi ħaġa. Irridu mmorru għandu bħala tallaba u nappellawlu jgħinna skont il-ġenerożità tiegħu. Jeħtieġ nirrikorru għandu foqra u falluti biex jagħnina bil-ġid tiegħu. Irridu nammettu li aħna midinba u ħatja; nitolbuh ħniena aktarx milli ġustizzja.

Imma kif taqbad tfisser verità hekk profonda lil tifel ta’ tlett snin? Għoġbitni l-ispjegazzjoni li tatu ommu.

‘John, inti taf kemm iħobbuk il-mamà u l-papà. X’nagħtuk meta tkun bravu?’

‘Present,’ weġibha.

‘Ġesù jħobbok ħafna iżjed mill-mamà u l-papà. Ġesù jagħtik present mhux għax kont bravu. Ġesù jagħtik present għax iħobbok ... għax iħobbok biss! Hekk tfisser grace.’

John wkoll għoġbitu l-ispjegazzjoni, u qal lil ommu, ‘Kanta, mamà, kanta!’

Aħna wkoll, meta nagħrfu l-imħabba tal-għaġeb t’Alla, li jogħġbu jsalvana bi pjaċir avolja m’aħniex denji, nibdew minn issa u ma nieqfu qatt inkantaw u nfaħħru l-glorja tal-grazzja tiegħu! L-għotja - il-present - t’Alla hi l-ġustifikazzjoni u l-ħajja ta’ dejjem f’Ibnu Ġesù Kristu (Rumani 3:24; 6:23).