Bħat-Tfal Żgħar

It-tfal żgħar jiddependu għalkollox fuq il-ġenituri tagħhom. Missierhom u ommhom jipprovdulhom x’jieklu u x’jixorbu, ilibbsuhom u jagħtuhom kenn, affezzjoni u kull ma jeħtieġu. Mhux ta’ b’xejn li t-tfal żgħar jafdaw lill-ġenituri tagħhom.

Darba t-tifel tiegħi John kien qiegħed jilgħab fil-ġnien tan-nannu. Kellu ftit aktar minn sena għax kien għadu kemm telaq jimxi. Aljenajt rasi għal żewġ minuti u bla ma naf kif, it-tifel irnexxielu jitla’ fuq il-kamra tal-għodda. It-tifel kien fil-periklu li jaqa’ għal isfel u jweġġa’.

Mort malajr taħtu, ftaħt idejja u għidtlu, ‘John, ejja!’

It-tifel ma ħasibhiex darbtejn. Fil-pront qabeż għal isfel u jien ilqajtu f’dirgħajja. Ma nafx x’għadda minn moħħu, imma evidentement it-tifel kien żgur li jien ma kontx se nidħaq bih u li kont b’saħħti biżżejjed biex nilqgħu. Jew forsi ma ħaseb xejn - sempliċement emmen fija u obdieni.

Mhux dan li ried ifisser l-Imgħallem meta qalilna li jeħtieġ li nsiru bħat-tfal? ‘Tassew ngħidilkom, li jekk intom ma terġgħux issiru bħat-tfal iż-żgħar, żgur li ma tidħlux fis-Saltna tas-Smewwiet’ (Mattew 18:3).

Alla l-Missier iridna nafdawh bħalma t-tfal żgħar jafdaw lil missierhom.

Mhux bilfors nifhmu għaliex Alla jippermetti li ngħaddu minn inkwiet u tbatija. Infatti meta ma nifhmux, aktar u aktar għandna nafdaw fih. Alla egħref minna. Hu fil-kontroll perfett ta’ kulma jiġri, sew tajjeb kif ukoll ħażin. Fuq kollox, Alla hu mħabba.

Meta l-qalb miġugħa titniegħed, meta xejn ma jagħmel sens, u meta nħoss li Alla telaqni, is-silenzju tiegħu huwa t-tweġiba li għandi bżonn. Alla qed jagħtina l-opportunità biex nafdah.

F’mument ta’ kriżi, l-imġarrab jista’ jirribella u jiċħad ’l Alla, jew jista’ jerġa’ jsir bħal tifel ċkejken, u f’dak is-skiet u l-uġigħ jissottometti ruħu għar-rieda tal-Missier u jafda fih aktar minn qatt qabel. Skont kif inwieġbu, it-tiġrib ikissirna jew isaħħaħ il-fidi tagħna.

Ma nafx x’hemm lest għalina fil-futur; naf biss li mat-tajjeb u s-sabiħ, l-inkwiet u l-ikraħ mhux se jkunu wisq ’il bogħod. Meta nsib ruħi fl-għawġ u l-periklu, irrid nisma’ s-sejħa ta’ Missieri, ‘Joe, ejja!’ – u naqbeż fis f’dirgħajh sodi u ħanina.