Id-Demm ta' Kristu


Min jikser il-liġi ħaqqu jkun ikkundannat; min jimxi dritt mal-liġi għandu jkun iġġustifikat. Dan hu prinċipju ewlieni tal-ġustizzja.

Xi tfisser mela l-Iskrittura meta tgħid, “aħna ġġustifikati b’demmu” (Rumani 5:9)?

Il-Bibbja ssejjaħ "ġustifikati" lil dawk li jemmnu fi Kristu. Imma kif jista’ Alla jqis lill-Insara ġusti ladarba m’humiex bla ħtija? L-Insara, bħall-bnedmin kollha, min jaf kemm-il darba jiksru il-liġi t’Alla.

Madankollu, minkejja li jibqgħu jiżbaljaw, Alla jiġġustifikhom; l-Imħallef jiddikjarahom ġusti u jeħlishom minn kull kastig! Ladarba kissru l-liġi, ma kienx messu Alla jikkundannhom u jikkastigahom? Mhux hekk għandu jagħmel Alla biex ikun Mħallef ġust u rett?

Mhux biss, meta tgħid li l-Insara huma ġġustifikati “b’demmu,” l-Iskrittura qed tirreferi għall-Iben t’Alla, Ġesù, li xerred demmu fuq is-salib. Il-mistoqsija tiġi weħidhha. Ladarba Kristu kien bla dnub, għaliex kellu jmut? Il-ġustizzja tiddomanda l-ħelsien tiegħu mhux il-kastig. Żgur ma kienx ħaqqu li jkun ikkundannat għall-mewt.

Ma nistgħux ngħidu li mewtu kienet biss delitt inġust mwettaq mill-għedewwa tiegħu. L-Iskrittura taħsadna meta tgħidilna li Alla telqu f’idejn il-Lhud "skont l-għerf u l-pjan li fassal minn qabel." Alla l-Missier seta’ jeħles lil Ibnu, imma ma ħelsux. Infatti Alla kien ippjana minn qabel il-mewt ta’ Ibnu u bagħtu fid-dinja apposta għal dan l-għan. Alla bagħat 'l Ibnu biex imut. "Jien għalhekk ġejt," qal Ġesù, "għal din is-siegħa" (Atti 2;23; Ġwanni 12:27).

Għaliex mela miet il-Ġust? X’kienet il-ħtija li ġarr fuq spallejh? Tiegħu? Le! Żgur li le, għax Ġesù qatt m’għamel l-iċken dnub. Id-dnubiet ta’ min, mela, wassluh għall-mewt?

L-Iskrittura twieġeb: Kristu “miet għal dnubietna” (1 Korintin 15:3); Kristu miet għad-dnubiet ta' dawk kollha li jafdaw fih. Hu li kien bla dnub miet bi tpattija għad-dnubiet ta’ ħaddieħor. Għalhekk, għalkemm l-Insara kissru l-liġi, Alla jqishom bħala ġusti għax Kristu ħa l-kastig li kien ħaqqhom huma. 

Is-salib ta’ Kristu huwa t-turija sew tal-imħabba t’Alla għall-midneb, kif ukoll tal-ġustizzja retta tiegħu. Alla m’għalaqx għajnejn għad-dnub. Sabiex ikun jista’ jeħles lill-poplu tiegħu minn dnubiethom, Alla bagħat lil Ibnu biex ixerred demmu għall-ġustifikazzjoni tagħhom.

“Aħna ġġustifikati b’demmu.”  Din hi l-fiduċja ta' kull Nisrani ġenwin. Alla jgħoddna ġusti minħabba l-mewt ta' Kristu. Fih biss nafdaw għall-maħfra, u f'xejn u f'ħadd aktar. Ammen!