Posts

Showing posts from May, 2012

Seven, Ġesù

Image
Konna miġburin madwar il-mejda fil-bitħa  tan-nannu għall-ikla ta’ nofsinhar tal-Ħadd. Staqsejt lit-tifel, John, li dak iż-żmien kellu erba’ snin, kemm konna nies fuq il-mejda. Beda jgħodd u juri b’subgħajh: one (il-mama), two (il-papa), three (oħtu Elizabeth), four (in-nannu), five (lilu nnifsu). Ma waqafx hemm, ipponta lejn żaqq il-mamà, li kellha seba’ xhur tqala, u kompla, ‘ Six , Mari!’ Ħadt gost li diġa’ kien qed jinkludi l-oħtu mal-familja avolja kienet għadha ma twelditx. Kien fadallu x’jgħodd. Ipponta subgħajh ‘il fuq u għajjat, ‘ Seven , Ġesù!’ Fraħt bih, u ngħid il-verità, ħassejt ċanfira żgħira wkoll, għax jien sikwit ninsa li l-Mulej qiegħed magħna l-ħin kollu. Fil-ġenn tal-ħajja u minħabba d-dgħjufija umana, mhux dejjem ngħix fil-preżenza konxja tal-Imgħallem. Hemm mumenti li ma nkunux irriduh magħna. Ninjorawh. Inħossuna skomdi fil-preżenza t’Alla waqt id-dnub. Għalhekk nagħlqu għajnejna u nippretendu li mhux hemm. Inkunu nidħqu bina infusna meta nagħmlu hekk.