Seven, Ġesù


Konna miġburin madwar il-mejda fil-bitħa  tan-nannu għall-ikla ta’ nofsinhar tal-Ħadd. Staqsejt lit-tifel, John, li dak iż-żmien kellu erba’ snin, kemm konna nies fuq il-mejda. Beda jgħodd u juri b’subgħajh: one (il-mama), two (il-papa), three (oħtu Elizabeth), four (in-nannu), five (lilu nnifsu).

Ma waqafx hemm, ipponta lejn żaqq il-mamà, li kellha seba’ xhur tqala, u kompla, ‘Six, Mari!’ Ħadt gost li diġa’ kien qed jinkludi l-oħtu mal-familja avolja kienet għadha ma twelditx.

Kien fadallu x’jgħodd. Ipponta subgħajh ‘il fuq u għajjat, ‘Seven, Ġesù!’

Fraħt bih, u ngħid il-verità, ħassejt ċanfira żgħira wkoll, għax jien sikwit ninsa li l-Mulej qiegħed magħna l-ħin kollu. Fil-ġenn tal-ħajja u minħabba d-dgħjufija umana, mhux dejjem ngħix fil-preżenza konxja tal-Imgħallem.

Hemm mumenti li ma nkunux irriduh magħna. Ninjorawh. Inħossuna skomdi fil-preżenza t’Alla waqt id-dnub. Għalhekk nagħlqu għajnejna u nippretendu li mhux hemm. Inkunu nidħqu bina infusna meta nagħmlu hekk. ‘Fejn immur 'il bogħod mill-Ispirtu tiegħek?’ jistaqsi s-salmista, ‘Jew fejn nista’ naħrab minn quddiem wiċċek?’ Imkien. Alla jinsab kullimkien. Jekk nidneb, nidneb fil-preżenza tiegħu.

Madankollu, l-omnipreżenza t’Alla hi faraġ kbir għal uliedu. Fil-ferħ u fin-niket, qatt m’aħna weħidna. Qabel tela’ s-sema, il-Mulej wegħdna, ‘Ara, jiena magħkom dejjem, sa l-aħħar taż-żmien.’ Meta ndaħħal lit-tifel jorqod, infakkru li mhux se jkun waħdu bil-lejl. Ġesù ma jorqodx biex jibqa’ jieħu ħsiebu.

Ma jfissirx li l-ħajja tan-Nisrani hi dejjem ward u żgħar. In-niket u l-periklu mhumiex neqsin fl-esperjenza ta’ wlied Alla. Imma matul l-mixja lejn id-dar tal-Missier, m’għandniex għalfejn nitwerwru meta ngħaddu minn widien mudlama. ‘Ma nibżax mill-ħsara, għax inti miegħi.’ Ma nibżax, mhux għax il-periklu mhux hemm, imma għax il-Mulej jgħini u jħarisni.

M'għandix għalfejn inħossni waħdi. Fis-solitudni rrid nitgħallem ngħodd korrett. ‘Inti miegħi’. M’inix waħdi. Il-Mulej dejjem qribi. Jifraħ fil-ferħ tiegħi. Iħaddanni miegħi fl-uġigħ u t-tbatija.