Appuntament mat-Tabib


Waqt li kont qed insuq bit-tifel bilqiegħda fuq wara u mħażżem sewwa bis-seat belt, staqsejtu, ‘John, għaliex għandna nħobbu lil Ġesù?’

‘Għax għamel id-dinja,’ weġibni b’ħafna entużjażmu, ‘u s-siġar.’

‘X’aktar?’

‘Jagħtina nieklu u jagħtina nilbsu.’

‘Bravu, u għaliex inħobbuh aktar?’ erġajt staqsejtu, bix-xewqa li forsi jagħtini raġuni aktar spiritwali.

‘Għax għamlilna l-patata biex inpoġġu fuqha ... u jagħtina siġġu.’

Provajt ma nidħaqx.

‘John,’ komplejt, ‘Lil Ġesù inħobbuh għax jaħfrilna meta nagħmlu xi ħaġa pastaża.’

‘Bħal ma jagħmel ...’ - u semmieli wieħed minn sħabu fil-klassi tal-kindergarten li sikwit jispiċċa ‘corner’ jew kif jgħidu llum, fuq it-‘thinking chair’.

John m’għandux diffikultà biex jara l-ħażin f’ħaddieħor, imma jbati biex jagħrfu fih innifsu. Ħafna minna għandna l-istess problema. Malajr naraw id-dnub f’ħaddieħor, u nikkundannawh, imma d-dnub fina, peress li hu tant fil-viċin, ma narawhx.

Forsi għalhekk ħafna nies ma japrezzawx biżżejjed lill-Mulej Ġesù. Meta ġie fid-dinja dawk li kienu ‘tajbin’ u reliġjużi ma kienux miġbudin lejh. Ġesù kien aktar milquh minn nies komuni u minn nies li kienu meqjusin minn kulħadd li huma ħżiena.

Infatti darba minnhom is-super-reliġjużi ikkritikawh għax Ġesù kien iħobb jitħallat mal-publikani u midinbin. Ġesù weġibhom, ‘Mhux dawk li huma f'saħħithom għandhom bżonn it-tabib, iżda l-morda. Jien mhux lill-ġusti ġejt insejjaħ, iżda lill-midinbin għall-indiema’ (Luqa 5:31, 32).

Mhux għax huma ma kienux morda jew għax ma kienux midinbin. Il-ħażen tagħhom, bħal katavru, kien mgħotti u moħbi f’qabar imbajjad. Ir-reliġjożità kienet l-għata għat-taħsir fihom. Ma kienux iħossu l-uġigħ tal-mard qerriedi f’qalbhom, u għalhekk qajla ħassew il-bżonn li jirrikorru għand it-Tabib tar-ruh. Għalihom Ġesù kien inutli.

Ngħid għalija, jien għandi bżonn lil Ġesù aktar mill-ħobż. Nagħraf u nammetti d-dnub u l-ħażen tiegħi. Għalhekk mort għandu, u nibqa’ dejjem immur fi ħdanu, biex jaħfirli u jfejjaqni.

Lil dan it-Tabib nirrikkmandah lil kulħadd għax lili salvali ħajti.

PS

L-għada li ktibt dan il-ħsieb, erġajt staqsejt lil John, ‘Għalfejn inħobbuh lil Ġesù?’ Naħseb li fehmni, ‘FEJN inħobbuh’, għax weġibni, ‘Hawn fil-heart,’ waqt li poġġa idejh it-tnejn fuq qalbu.

‘X’ifisser inħobbuh f’qalbna?’

‘Ifisser inħobbuh ħafna, ħafna, ħafna!’