Posts

Showing posts from September, 2012

Mal-Munita għandi Qalb?

Image
F’Nottingham l-Ingilterra studenta tal-Liġi ta’ 22 sena ma tħallitx tirkeb fuq il-karozza tal-linja fis-siegħat bikrin ta’ filgħodu għax kien jonqosha 20p biex tħallas in-noll ta’ ħames liri. Il-video tas-CCTV juri lil din it-tfajla tittallab lix-xufier għal tmin minuti sħaħ biex iħalliha titla’. Il-passiġġiera l-oħra baqgħu passivi. Spiċċat barra fil-kesħa f’temperatura taħt iz-zero. Ċemplet lil ommha biex tiġi għaliha, imma qabel laħqet waslet, it-tfajla ġiet stuprata u msawwta. Tant kienet imbiċċra u miksija bit-tajn u d-demm li ommha m’għarfithiex. Irrabjat u iddispjaċieni meta qrajt din l-istorja. Il-ġuvni li sawwatha juri f’liema livell baxx u krudili jista’ jaqa’ l-bniedem. Imma mhux anqas ix-xufier u l-passiġġiera. Ħadd minnhom ma ħenn għaliha. Ħadd ma daħħal idu fil-but u ta munita ta’ 20p. L-attitudni tagħhom hi agħar minn krudili. Indifferenti. Qalb friżata. Bla demm! Ma rrid nipponta subajja lejn ħadd. Inħares fija nnifsi u nistaqsi jekk jiena wkoll kontx indifferenti