Aktar Ferħan Min Jagħti

Binti Elizabeth tbus lin-nanna.
Ġie f’idejja studju interessanti li juri li t-tfal żgħar jifirħu aktar meta jagħtu xi ħaġa lil ħaddieħor milli meta jaqilgħu xi rigal huma. Mhux biss, din ir-riċerka turi wkoll li dawn it-tfal kienu l-aktar ferħana meta taw mill-affarijiet tagħhom stess. Qabel kienu saru studji simili fost l-adulti u t-tfal akbar li wkoll juru l-istess ħaġa; dawk li huma l-aktar ġenerużi huma wkoll aktar ferħanin.

M’hemmx xi ngħidu, kulħadd jixtieq ikun ferħan, imma min ħsiebu biss biex jiġbor għalih innisfu, ma jsibx il-ferħ mixtieq. L-ewwel jeħtieġ jitgħallem jiftaħ qalbu u jdejh għal ħaddieħor biex isib il-ferħ. L-istudji xjentifiċi hekk juru, u aktar importanti, l-istess qal l-Mulej Ġesù, ‘Min jagħti hu aktar hieni minn min jirċievi’ (Atti 20:35).

Din il-verità trid tesperjenzaha biex temminha. Għandna kemm irridu opportunitajiet biex nagħtu – mhux biss flus, imma wkoll mill-ħin u l-ħiliet tagħna, jew donazzjoni tad-demm. Il-bieraħ waqqfitni mara fil-kuritur ta’ Mater Dei. Mitlufa. Staqsietni għall-out-patients tal-għajnejn. Għidtilha tiġi miegħi u ħadtha fejn kellha bżonn tmur. Ma nafx kemm damet tirringrazzjani. Jien ħassejtni kuntent li għintha.

Issa jekk dan hu minnu, li aktar hu hieni min jagħti milli min jirċievi, nistaqsi, ‘X’kien l-iskop li Alla bagħat lil Ibnu fid-dinja, u għalfejn Kristu ta lilu nnifsu fuq is-salib?'

It-tweġiba tas-soltu hi, ‘Alla tana lil Ibnu biex jiksbilna l-ħajja ta’ dejjem; Kristu miet fuq is-salib għalina biex jifdina minn dnubietna.’ Naturalment dan kollu huwa minnu, imma t-tweġiba tiffoka fuqna li rċivejna u mhux fuq Alla li ta. X’kien mela l-iskop għal Alla ta’ sagrifiċċju hekk kbir? X’kiseb hu mis-salib?

L-Iskrittura tweġibna li Ġesù, ‘għall-ferħ imqiegħed quddiemu, sofra is-salib, bla ma qies xejn il-għajb tiegħu’ (Lhud 12:2). Ġesù ġarrab il-passjoni u l-mewt għax kien jaf li wara s-sagrifiċċju kien hemm jistennieh il-ferħ li ma jitfissirx bil-kliem. Kristu jifraħ fis-salvazzjoni tagħna.

F’post ieħor il-Bibbja tgħid, ‘Imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, li berikna b'kull xorta ta' barka spiritwali’ (Efesin 1:3). Il-kelma ‘mbierek’ sempliċement tfisser hieni jew ferħan. Alla hu ferħan, u l-hena tiegħu hi marbuta ma’ dak li għamel ma’ wliedu u l-barkiet li sawwab fuqna.

Meta l-iben il-ħali rritorna d-dar, missieru wera ħniena u ġenerożità miegħu. ‘Kien meħtieġ li nagħmlu festa u nifirħu,’ qal. Din hi l-attitudni t’Alla l-Missier meta jaħfrilna u jagħtina kull ġid. Mhux ta’ b’xejn nsejħulu Alla l-imbierek ... Alla ferħan!

Ladarba aħna wlied Alla nistgħu nitgħallmu nkunu aktar ġenerużi bħalu, u hekk miegħu naqsmu aktar mill-ferħ tiegħu.