Qalb Bla Misrieħ


Il-qalb umana qisha bir bla qiegħ. Ma timtela b’xejn u ma tissodisfa ruha qatt. Inkunu ilna mxennqin għal xi ħaġa – karozza, dar, impjieġ, promozzjoni - u hekk kif naqbduha f’idejna is-seħer tagħha jisparixxi. Il-ħwejjeġ materjali mhumiex biżżejjed.

Kollega tiegħi kien ħiereġ għax-xogħol u bintu riditu jibqa’ magħha. Qalilha li jekk ma jmurx ix-xogħol ma jkollhomx flus biex jixtrilha t-toys. It-tifla weġbitu, "Toys għandi biżżejjed. Aħjar toqgħod miegħi, Papà." Anke tifla ċkejkna tifhem li l-imħabba hi aħjar minn ħwejjeġ materjali.

Il-bniedem jgħix bl-imħabba. Hekk aħna magħmulin. Lill-familja u l-maħbubin tagħna għandna nagħtuhom prijorità u nitgħallmu ngawduhom aktar u aktar.

Imma anke dan mhux biżżejjed. Il-qalb tixxennaq għall-akbar Imħabba, kif talab Sant Wistin, "Ħlaqtna għalik, Mulej, u qlubna bla mistrieħ sakemm ma jistriħux fik."

Ħasra li mħabbtin u aljenata b’tant xogħol, divertiment u ħwejjeġ materjali, ħafna nies ma jesperjenzaw qatt it-tjieba u l-ħlewwa t’Alla.

Tinstema’ nota ta’ dispaċir f’leħen il-Mulej meta jgħid, "Għax il-popli tiegħi għamel żewġ ħtijiet: telqu lili, għajn ta’ ilma ġieri u ħaffru għalihom bjar, bjar imxaqqin li ma jżommux ilma" (Ġeremija 2:13). L-għarfien t’Alla hu l-oħla esperjenza. Mingħajr Alla l-ħajja hi mewt, il-ġid faqar, il-ferħ illużżjoni.

Ħarisna Mulej mill-frugħa u agħtina nixorbu mill-imħabba ta’ Kristu biex nifirħu tassew, inġarrbu kull inkwiet bis-sabar u nħarsu ’l quddiem bit-tama ta’ hena bla tmiem. Inti biss Mulej tista’ timla qlubna.