Agħtu lil Ċesari

 

X'inhu r-rwol tal-Insara fis-soċjetà, speċjalment fir-responsabilità tagħna lejn il-mexxejja ċivili?

Alla ħatar it-tmexxija ċivili għal ġid ta’ kulħadd (Rumani 13:1-7). Allaħares kulħadd jitħalla jagħmel li jrid għax kieku nsiru ġungla. Ladarba l-mexxejja huma maħturin minn Alla, aħna għandna nirrispettawhom u nobdu l-liġijiet tal-pajjiż – kemm waqt li qed insuqu u meta nkunu qed inħallsu t-taxxa u l-VAT. Meta niksru l-iċken regolament tat-traffiku fil-fatt inkunu qed noħduha kontra r-rieda t’Alla.

Aktar minn hekk, aħna msejħin biex nagħtuhom ġieħ. Għandna nirrispettawhom mhux għax qatt ma jiżbaljaw jew għax ġejjin mill-partit favorit tagħna, imma minħabba s-sejħa tagħhom. Minn fomm in-Nisrani m'għandux joħroġ kliem ta' disprezz, redikolu jew mibgħeda lejn il-politiċi.

Il-politiċi għandhom xogħol diffiċli u tant importanti biex f’pajjiżna jkollna l-ġid, ġustizzja u l-paċi. Huma tad-demm u laħam bħalna, u suġġetti għall-iżball. Mal-awtorità għandhom ħafna tiġrib. Għalhekk aktar mill-kritika tagħna, il-politiċi għandhom bżonn it-talb ferventi tagħna lill-Mulej (1 Timotju 2:1-4).

Ejja nieħdu sehem fil-proċess politiku sakemm ma noffendu lil ħadd, u bla ma nagħtuh importanza żejda (għax għandna ħafna aktar dmirijiet x'inwettqu fil-familja, fuq ix-xogħol. fis-soċjetà u fil-knisja). Huwa privileġġ nivvotaw lil dawk il-politiċi li naħsbu li jistgħu jagħtu l-aħjar servizz għall-poplu.

Mill-banda l-oħra rridu wkoll noqgħodu attenti li ma ninġarrux mill-kurrent materjalista li qed ikaxkar lil pajjiżna. L-aktar li tista’ tagħmel il-politika huwa li żżid il-ġid u l-ġustizzja – u dan hu tajjeb! Imma hemm valuri ferm ogħla minn hekk. Tajjeb naħdmu għall-ħobżna ta’ kuljum, imma l-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix. Aktar mill-ġid materjali ruħna teħtieġ il-ġid li Alla biss jagħti bil-grazzja tiegħu permezz ta’ Kristu.

Meta staqsewh jekk għandhomx iħallsu t-taxxi lil Ċesri, Ġesù talabhom juruh il-munita tal-ħaraġ. Staqsihom x’inhi x-xbieha li tidher fuqha. Qalulu, ‘Ta’ Ċesri.’ Weġibhom, ‘Agħtu lil Ċesri dak li hu ta’ Ċesri...’ Imma Ġesù ma waqafx hemm; wieġeb mistoqsija oħra li huma m’għamlux. Staqsewh fuq ir-responsabilità tagħhom lejn l-imperatur, imma ma staqsewx dwar ir-responsabilità tagħhom lejn il-Ħallieq. Għalhekk kompla jgħidilhom, ‘Agħtu lil Alla dak li hu t’Alla!’ Għaliex aħna obbligati lejn Alla? U x’inhu ‘dak li hu t’Alla’? Ħares, bniedem, lejk innifsek: x’inhi x-xbieha li tidher fik? Fik tidher ix-xbieha ta' min ħalqek. Int tiegħu. Agħtih mela lilek innifsek.