Bħallikieku kont jien

Minn jaf x’għadda minn moħħ dan ir-raġel, Onesimu, waqt li kien sejjer minn Ruma lejn il-belt Griega ta’ Kolossi.

Kien seraq lil sidu u ħarab, u issa kien sejjer lura għandu. Forsi ħaseb, ‘Min jaf jekk jilqagħnix bis-sewwa? Jew jikkastigani kif issoltu jsir meta skjav bħali jaħrab.’ Għamel kuraġġ biss għax fuqu kellu ittra qasira x’jurih.

Meta ħarab kien mar Ruma u hemmhekk iltaqa’ mal-appostlu Pawlu, ikkonverta u sar Nisrani. L-appostlu kien jaf li Onesimu kellu jmur lura biex jirranġa l-kontijiet ma’ sidu. Tah f’idejh ittra, li aħna nafuha l-Epistola lil Filemon, u bagħtu għal għonq it-triq.

Fl-ittra kitiblu, ‘Int mela, jekk inti qalb waħda miegħi, ilqgħu bħallikieku kont jien! Jekk naqsek f’xi ħaġa jew jekk għandu jagħtik, ixħet kollox fuqi’ (Fil 1:17, 18).

L-appostlu Pawlu jagħti raġuni doppja lil Filemon biex jaħfer u jagħti merħba lill-qaddej tiegħu minkejja dak kollu li kien għamel. Jitolbu biex jaħfirlu filwaqt li jwiegħdu li hu kien lest jagħmel tajjeb għalih. ‘Ixħet kollox fuqi,’ qallu. Barra minn hekk, l-appostlu jappellalu biex jilqgħu ‘bħallikieku kont jien’. Fi kliem ieħor, jekk tqisni bħala ħabib, ħu ħsieb lil dan ir-raġel qisek qed tieħu ħsieb lili.

Waqt il-vjaġġ ta’ ħajjitna li jwassalna għand il-Ħallieq, aħna wkoll messna nirriflettu fuq dak l-appuntament hekk importanti. Aħna wkoll ħrabna mill-Imgħallem tagħna bil-ħsibijiet u l-għemejjel ħżiena. Min jaf jekk Alla jilqagħniex għandu, jew jekk iwarrabniex u jikkastigana għall-ħtijiet kotrana li wettaqna?

Kollox jiddependi fuq ħaġa waħda biss. Jekk fi qlubna hemmx moħbija l-ittra tal-evanġelju ta’ Kristu. Għax lil dawk li jafdaw fih, Ġesù jidħol għalihom quddiem il-Missier. 'Ixħet kollox fuqi' - id-dnubiet tagħhom tgħabbejt bihom jien fuq is-salib! Mhux biss, Ġesù jinterċedi għal kull wieħed mid-dixxipli tiegħu u jappella lill-Missier, 'Ilqgħu bħallikieku kont jien!'

Ma nafux kif marret il-laqgħa ta’ Onesimu ma’ Filemon, imma nistgħu nserrħu qalbna li jekk nafdaw fil-Mulej Ġesù, Alla jilqagħna fi ħdanu bl-istess imħabba li jħobb lill-Ibnu l-maħbub.