Posts

Showing posts from May, 2013

Papà, jista’ Ġesù jieħu t-tfal il-Ġenna?

Image
It-tfal jistaqsu mistoqsijiet tqal u jġibuk dahrek mal-ħajt. Dalgħodu John, li issa għalaq 5 snin, staqsieni, ‘Papà, jista’ Ġesù jieħu t-tfal il-Ġenna?’ Ried ifisser, it-tfal jistgħu jmutu? Għidtlu, ‘Is-soltu Ġesù jħallihom fid-dinja lit-tfal, u meta jikbru u jixjieħu, imbagħad isejħilhom biex imorru ħdejh.’ Ħadt nifs fil-fond u komplejt, ‘Imma kultant Ġesù jieħu ftit tfal il-Ġenna miegħu.’ Ma stajtx ma nkunx onest. Matul is-snin rajt mijiet ta’ trabi li twieldu u kibru b’saħħithom, u kienu l-hena tal-ġenituri tagħhom. Imma rajt ukoll għexieren ta’ trabi u tfal jinqatgħu bħal blanzuni qabel ma warrdu. Alla jagħtina biżżejjed saħħa u ġid biex nagħfu t-tjieba u l-ħlewwa tiegħu, u ta’ dawn il-barkiet għandna nkunu grati lejh. Fl-istess ħin Alla jippermettilna nduqu wkoll mill-morr biex qalbna ma tintrabatx ma’ did-dinja, biex nitgħallmu nafdaw fih, u biex nixxenqu għall-oħla u l-isbaħ li hu ħejja għalina fid-Dar ta’ hemm fuq. Il-prova ewlenija tal-imħabba t’Alla huwa s-salib.