Ilbies għall-Okkażjoni

Il-ħolm interessanti. Kultant noħlom li qed intir u nħossni ħafif bħal għasfur. Drabi oħra inħossni skomdu anke fil-ħolm, bħalma meta noħlom li nkun ħafi jew ma nkunux liebes xieraq għal xi okkażjoni.

F’waħda mill-parabboli tiegħu Ġesù jirrakkonta kif wieħed sultan għamel festa tat-tieġ għal ibnu. Meta s-sultan daħal biex jiltaqa’ mal-mistednin, intebaħ li kien hemm wieħed li ma kienx liebes sew għat-tieġ. Qallu, ‘Ħabib, kif ġejt hawn ġew meta ma għandikx libsa tat-tieġ?’ Ir-raġel tbikkem. Is-sultan ordna li jintefa’ ‘l barra.

Biex nidhru fil-preżenza qaddisa t’Alla aħna wkoll jeħtieġ inkunu lebsin xieraq. Hu li hu ġust jixraqlu li nersqu quddiemu lebsin bil-ġustizza.

Fil-gwardarobba spiritwali hemm żewġt ilbiesi. Il-Bibbja ssejħilhom ‘il-ġustizzja tagħna’ u ‘il-ġustizzja t’Alla.’

Fuq il-ġustizzja tagħna l-Bibbja tgħid li aħna ‘sirna lkoll bħal wieħed imniġġes, u s-sewwa kollu tagħna sar bħal ċarruta maħmuġa’ (Isaija 64:6). Din hi l-ġustizzja ‘tagħna’ għax naħdmu għalija aħna bl-ubbiddjenza tagħna għall-liġi. Imma peress li ħadd minna ma jobdi lil Alla kif imiss, il-ġustizzja tagħna hi mtebba’ b’ħafna dnubiet. Tixbaħ ċarruta maħmuġa.

Il-ġustizzja t’Alla hi mill-isbaħ. Ħadimha Kristu bl-ubbidenza perfetta tiegħu li saħansitra wasslitu sal-mewt tas-salib. L-appostlu Pawlu ried li jkun mlibbes b’din il-ġustizzja. Ried li jinstab fi Kristu ‘mhux bil-ħaqq tiegħi, li jiġi mil-liġi, iżda bil-ħaqq li jiġi permezz tal-fidi fi Kristu: il-ħaqq li jiġi minn Alla bil-fidi’ (Filippin 3:9). Din il-ġustizzja hi mogħtija lilna bil-fidi, meta nafdaw is-salvazzjoni ta’ ruħna f’idejn il-Mulej Ġesù.

Agħar minn ħolma kerha tkun ir-realtà jekk nidhru quddiem Alla mlibbsin biċ-ċraret maħmuġin tal-ġustizzja tagħna. Bħar-raġel tal-parabbola nispiċċaw mitfugħin barra fejn hemm il-biki u t-tghażżiż tas-snien.

Jeħtieġ ninżgħu il-ħwejjeġ maħmuġin tal-ġustizzja tagħna. Minflok imissna nilbsu l-ġustizzja li Kristu niseġ bl-ubbidjenza tiegħu biex b’hekk nidhru sbieħ u ndaf quddiem Alla. Imbagħad kull wieħed minna jkun jista’ jtenni bil-ferħ mal-profeta, ‘Nithenna wisq fil-Mulej, ruħi tifraħ f’Alla tiegħi; għax libbisni lbies is-salvazzjoni, u għattieni b’mantar tal-ġustizzja’ (Isaija 61:10).