Alla ma Jistax ikun Inġust

Hemm xi ħwejjeġ li Alla ma jistax jagħmel. Alla ma jistax jigdeb (Lhud 6:18); ma jistax jiċħad lilu nnifsu (2 Tim 2:13); u ma jistax iwettaq inġustizzja (2 Kronaki 19:7). Għalhekk żgur li Alla se jkun ġust fil-kundanna tal-ħżiena; Alla huwa wkoll ġust fis-salvazzjoni tal-poplu tiegħu. Ma jistax sempliċiment jagħlaq għajn waħda u taparsi jinsa dnubietna biex ikun tajjeb magħna.

Immaġina xena fil-qorti. Wieħed kriminal jinġieb quddiem imħallef. L-imħallef jisma’ x-xhieda u jeżamina sewwa l-provi kontrih. Jidher ċar li l-imputat huwa ħati ta’ ksur tal-liġi u li ħaqqu l-kastig. Madankollu fis-sentenza tiegħu l-imħallef jistqarr: ‘Inti ħati. Ħaqqek kastig. Imma jien irrid inkun tajjeb miegħek. Ma jimportanix x’tgħid il-liġi, jien se nilliberak. Tista’ tmur.’

X’naqbdu ngħidu fuq dan l-imħallef? Forsi li hu inkompetenti, korrot, inġust ... imma hu żgur li ma nistgħux ngħidu li hu mħallef tajjeb! Mhux iwettaq xogħlu kif imiss!

Imma ejja nimmaġinaw li dan l-imħallef jikkundanna l-ħati u jordnalu jħallas multa kbira kif titlob il-liġi. Il-ħati jwieġeb li m’għandux minn fejn iħallas. F’dan il-mument l-imħallef jgħidlu, ‘Il-ġustizzja trid issir. Il-penali trid titħallas. Imma jien irrid inkun ħanin miegħek. Staqsejt lil ibni, li mill-ewwel qabel miegħi, biex iħallaslek il-multa kollha hu. Għalhekk tista’ tmur ... inti ħieles.’ B’dan il-mod l-imħallef ikun juri lilu nnifsu kemm ġust kif ukoll tajjeb.

Dan, u ferm aktar minn hekk, jagħmel Alla mal-poplu tiegħu. Jiġġustifikom b’xejn bil-grazzja tiegħu, avolja ma ħaqqhomx. Alla jeħlishom fuq il-bażi tal-fidwa ta’ Ibnu Ġesù (Rumani 3:24). Kristu ħallas b’demmu għall-ħelsien tagħhom billi ħa l-kastig li kien jixraq lilhom.

Għalhekk l-Iskrittura tista’ tiddikjara bil-ferħ li Alla huwa ĠUST u li JIĠĠUSTIFIKA lil dawk li jemmnu f’Ġesù (Rumani 3:26). Alla ‘jiġġustifika’ – hu jeħles lil nies ħżiena li jemmnu f’Ibnu mill-ħtija u l-kastig tal-infern. Alla huwa wkoll ‘ġust’ meta juri ħniena bħal din – għax hu bagħat lil Ibnu biex iwettaq dak li tiddomanda l-liġi f’isimhom.

Hemm xi ħwejjeġ li aħna wkoll ma nistgħux nagħmlu! Ma nistgħux naħarbu mill-ġustizzja t’Alla. Il-liġi tiddomanda ħlas għal dnubietna, u dan se jseħħ fl-infern jew fuq is-salib. Imma hemm ħaġa li nistgħu nagħmlu. Bl-għajnuna t’Alla nistgħu nammettu ħtijietna u nappellaw għall-ħniena u l-ġustizzja t’Alla fi Kristu. Nistgħu inħarsu lejn is-salib, l-esebizzjoni tal-imħabba u l-ġustizzja t’Alla, u nafdaw ruħna f’idejh.