Il-Purgatorju


Meta kont għadni tifel fid-dar tal-ġenituri tiegħi, kien hemm inkwatru ċkejken imdendel fir-remissa li kien juri l-erwieħ ta’ rġiel, nisa u tfal fin-nar tal-purgatorju. Xena tal-biża’ bħal dik ma tistax ma tħallix impatt fuq il-moħħ ta’ naqra ta’ tifel li kont.

It-tagħlim tal-purgatorju jitfa’ dell ta’ twerwir fuq dawk kollha li jieħdu r-reliġjon bis-serjetà, sew żgħar kif ukoll kbar.

Illum m’għadekx issib pitturi tal-purgatorju fid-djar, u ftit li xejn għadu jissemma fil-knejjes. L-enfasi fiż-żmienna hi fuq l-imħabba u l-ħlewwa t’Alla, anke jekk qed ninjoraw għal kollox il-ġustizzja u l-qdusija tiegħu.

Madankollu l-Iskrittura twissina li Alla jobgħod id-dnub u jikkastigah, u li f’Ġerusalemm tas-sema ma 'tidħol fiha ebda ħaġa mniġġsa’ (Apokalissi 21:27). Ma nistgħux nidħlu l-Ġenna mċappsin bil-ħmieġ tad-dnub. Nitkellem għalija nnifsi, jiena midneb u għandi bżonn purgatorju biex inaddaf ruħi mid-dnub qabel nidħol fil-preżenza t’Alla.

Illum nifraħ u nirringrazzja ’l Alla meta naqra fil-Bibbja Mqaddsa kif Alla pprovdielna mezz biex nissaffew minn kull ħtija. Dan il-mezz huwa Ibnu l-Għażiż. Għalhekk mal-ewwel Insara, aħna li nafdaw fi Kristu nistqarru li l-Iben t’Alla ‘naddafna minn dnubietna’ (Lhud 1:4). Iva, nistgħu nkunu żguri mill-wegħda t’Alla li ‘d-demm ta' Ġesù Kristu Ibnu jnaddafna minn kull dnub’ (1 Ġwanni 1:7).

Għalhekk illum ngħix ħieles mill-ħtija tad-dnub. Nista’ niffaċċja l-mewt mingħajr twerwir; anzi bl-istennija li niltaqa' wiċċ imb wiċċ mal-Feddej u Maħbub tiegħi. Għax Ġesù huwa l-purgatorju tiegħi. Demmu jnaddafni minn kull dnub. Grazzi u tifħir lilek, Mulej!

Nixtieq li l-Insara – infatti n-nies tad-dinja kollha – jagħrfu u jilqgħu bil-ferħ il-grazzja t’Alla li jnaddaf qlubna permezz tal-fidi fi Kristu Ġesù Ibnu.