Ulied il-Missier

Huwa veru li l-bnedmin kollha huma aħwa, u li lkoll għandna Missier wieħed? L-idea li Alla huwa Missier il-bnedmin kollha hija popolari llum, grazzi għall-kitbiet tat-teologi liberali tas-seklu dsatax. Imma xi tgħid l-Iskrittura fuq hekk?

Aħna l-bnedmin lkoll ħolqien t’Alla u f’dan is-sens aħna lkoll nislu (Atti 17:28, 29). Mhux biss, Ġesù jgħallimna li aħna lkoll ġirien u proxxmu ta’ xulxin. Bħalma s-Samaritan it-Tajjeb għen lill-midrub minkejja li d-differenza fir-reliġjon u n-nazzjonalità, l-istess għandna nagħmlu aħna ma’ kullħadd.

Fl-istess ħin l-Iskrittura tiddistingwi bejn dawk li huma l-poplu t’Alla u dawk li m’humiex; bejn wlied Alla u dawk li m’humiex. Skont l-Iskrittura dawk kollha li huma 'mingħajr Kristu'  huma 'mingħajr Alla fid-dinja' u 'barranin u għorba' fid-dar t’Alla (Efesin 2:12, 19).

Fil-Vanġelu naqraw dwar xi Lhud li ma emmnux fi Kristu; dawn kienu jqisu li Alla hu missierhom. 'Aħna Missier wieħed għandna, Alla,' qalulu. Imma l-Mulej Ġesù ikkoreġihom, 'Kieku Alla kien Missierkom, kieku tħobbuni.' Il-prova li ma kienux jafu lill-Missier kienet il-qalb iebsa tagħhom lejn il-Messija. Infatti Ġesù kompla jgħidilhom min hu tassew missierhom, 'Intom ulied missierkom ix-xitan.' (Ġwanni 8:41-44). Kienu qed jgħixu gidba!

Fl-Iskrittura sikwit naqraw li l-Insara huma wlied Alla, aħwa ta’ xulxin, u li Alla hu Missierhom. Infatti l-Mulej għallem lid-dixxipli tiegħu biex jitolbu lil Alla u jindirizzawh 'Missierna li inti fis-smewwiet.' Dawn il-versi jgħoddu biss għal dawk li huma 'fi Kristu' u mhux għal dawk li għadhom barra. L-Iskrittura tassigura lill-Insara li 'intom ilkoll ulied Alla bil-fidi fi Kristu Ġesù' (Galatin 3:26).

Ngħaġġel ngħid li m’għandhomx għalfejn jibqgħu barra! Il-bieb huwa miftuħ beraħ għalihom ukoll. Kristu huwa l-bieb tad-dar t’Alla. 'Lil dawk kollha li laqgħuh, tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla; lil dawk li jemmnu f’ismu' (Ġwanni 1:12). M’humiex ulied sakemm jibqgħu ma jemmnux fl-Iben, imma meta jilqgħuh ikollhom il-privileġġ li jsejjħu ‘l  Alla Missierhom u li jidħlu fil-wens tad-dar u l-familja tiegħu.

L-istedina hi miftuħa beraħ għal kullħadd biex permezz tal-fidi fi Kristu jsiru wlied addottivi t'Alla. Imbagħad ikunu jistgħu jsejjħu 'l Alla, 'Missier!'

* * *

Nixtieq noffrilek dan il-ktejjeb b'xejn.


Download (kopja elettronika).
SMS (79551446) b'ismek u l-indirizz għal kopja bil-posta.