L-Għanja tal-Ħolqien

Ommi ilha bed-bound għal dawn l-aħħar snin. Meta nitilgħu Għawdex immorru nżuruha. It-tfal jieħdu gost ħdejha u mhux l-ewwel darba jkantawlha xi għanja. Dan l-aħħar kantajna L-Għanja tal-Ħolqien ...

“Ħajr nagħtu ‘l Alla għall-ġmiel li hawn madwarna,
Hu ħejja d-dinja għalija u għalik.”

Ħassejt qalbi tingħafas b’dawn il-kelmiet. Fil-kamra madwarna ftit li xejn hemm ġmiel. Kemm iddum ommi tħares lejn is-saqaf u l-erba’ ħitan? X’hemm sabiħ fit-tikmix, l-għejja, il-mard u t-tbatija li x-xjuħija ġġib magħha? X’hemm sabiħ fid-dirgħajn tqal u iebsa li darba refgħuni u ħaddnuni, jew fl-ilsien sieket li darba kien isejjaħli ismi b’tant ħlewwa?

Ħaġa waħda hi żgura. Il-ħolqien li Alla sejjaħlu “tajjeb” meta lestih, issa m’għadux dak li kien fil-bidu. Id-dnub ġab miegħu ħerba sħiħa u wisq imrar. Fadal biżżejjed ġmiel biex jixhed għall-glorja ta’ min għamlu, imma hawn ukoll tant ħsara li tfakkarna kemm hu serju u ikrah id-dnub. Mhux ta’ b’xejn ruħna titniegħed għall-fidwa!

“Ma,” għidtilha kif spiċċajna mill-kant, “Fid-dinja hawn ħafna ħwejjeġ sbieħ – ix-xemx, il-kwiekeb, il-ward fil-ġnejna, l-ilmijiet safja u l-ikħal nir tal-baħar. Imma dawn kollha jgħaddu, u magħhom hawn ħafna ħwejjeġ koroh ukoll. Il-Mulej wegħdna ġmiel ferm isbaħ minn hekk. Qalilna li sejjer iħejji post għalina. Għad joħloq smewwiet ġodda u art ġdida li fihom jgħammar biss il-ħaqq. Wegħdna li se jerġa’ jiġi għalina. Dakinhar nitgħaxxqu bis-sbuħija u l-imħabba tiegħu li ma jintemmu qatt.”

Diġà doqqna tikka mit-tajjeb u tgħaxxaqna bil-ġmiel tal-Mulej. Mhux li mtlejna jew xbajna minnu; anzi nixxennqu għal aktar u aktar. Meta t-tama tagħna sseħħ, L-Għanja tal-Ħolqien – il-ħolqien ġdid – tieħu tifsira wisq aktar profonda u pjaċevoli. Dakinhar ommi tingħaqad magħna inkantaw lill-Ħallieq u l-Feddej tagħna Ġesù:

“Ħajr nagħtu ‘l Alla għall-ġmiel li hawn madwarna,
Hu ħejja d-dinja għalija u għalik.”