Posts

Showing posts from October, 2014

L-Għanja tal-Ħolqien

Image
Ommi ilha bed-bound għal dawn l-aħħar snin. Meta nitilgħu Għawdex immorru nżuruha. It-tfal jieħdu gost ħdejha u mhux l-ewwel darba jkantawlha xi għanja. Dan l-aħħar kantajna L-Għanja tal-Ħolqien ... “Ħajr nagħtu ‘l Alla għall-ġmiel li hawn madwarna, Hu ħejja d-dinja għalija u għalik.” Ħassejt qalbi tingħafas b’dawn il-kelmiet. Fil-kamra madwarna ftit li xejn hemm ġmiel. Kemm iddum ommi tħares lejn is-saqaf u l-erba’ ħitan? X’hemm sabiħ fit-tikmix, l-għejja, il-mard u t-tbatija li x-xjuħija ġġib magħha? X’hemm sabiħ fid-dirgħajn tqal u iebsa li darba refgħuni u ħaddnuni, jew fl-ilsien sieket li darba kien isejjaħli ismi b’tant ħlewwa? Ħaġa waħda hi żgura. Il-ħolqien li Alla sejjaħlu “tajjeb” meta lestih, issa m’għadux dak li kien fil-bidu. Id-dnub ġab miegħu ħerba sħiħa u wisq imrar. Fadal biżżejjed ġmiel biex jixhed għall-glorja ta’ min għamlu, imma hawn ukoll tant ħsara li tfakkarna kemm hu serju u ikrah id-dnub. Mhux ta’ b’xejn ruħna titniegħed għall-fidwa! “Ma,” għidtilh