Posts

Showing posts from December, 2014

Iż-Żewġ Miġjiet ta’ Kristu

Image
Hemm rabta soda bejn l-ewwel u t-tieni avvent ta’ Kristu. Infatti nistgħu nqisu ir-ritorn glorjuż tal-Mulej Ġesù fl-aħħar taż-żmien bħala l-konklużjoni ta’ dak li wettaq fl-ewwel miġja fid-dinja. Ġesù qal li qamħa tibqa’ weħidha jekk ma taqax fl-art u tmut, iżda jekk tmut tagħmel ħafna frott. Kien għalhekk li l-Iben etern t’Alla sar bniedem u ta ħajtu fuq is-salib. Miet biex jagħmel ħafna frott – il-frott huma l-mifdija kollha. Meta jerġa’ jiġi Kristu jaħsad il-frott ta’ ħidmietu u jiġbor lil niesu fid-Dar tal-Missier. “Kristu, wara li offra lilu nnifsu darba biss biex jitgħabba bid-dnubiet tal-kotra, għad jerġa' jidher darb'oħra, mhux biex ineħħi d-dnubiet, imma biex isalva lil dawk li qegħdin jistennewh bil-ħerqa” (Lhud 9:28). Mela l-ewwel darba Ġesù offra ġismu u demmu b’sagrifiċċju biex jeħles ħafna nies mit-tagħbija u l-ħtija ta’ dnubiethom. Meta jerġa’ jiġi mhux se jneħħi d-dnubiet għax dak kien għamlu qabel. Jiġi biex isalva l-poplu tiegħu mill-kastig fl-infern u