Jiġġeddu kull filgħodu


Is-sena l-ġdida tagħtina tama li niġġeddu, naqilbu l-folja, u nibdew paġna ġdida.

Imma fih innifsu ż-żmien li ġej ma jistax jerfa’ l-piż tat-tamiet tagħna. Is-sena hi ġdida, imma aħna u d-dinja li qed ngħixu fija m’aħniex se nkun aktar ġodda. Jekk xejn se nibqgħu nixjieħu u neqdiemu.

It-tama ma tinstabx fis-sena l-ġdida. Lanqas ma tinstab fina nfusna jew fis-saħħa ta' ġisimna.

Fejn mela nistgħu nsibu tama ġenwina li ma tiddiżappuntanhiex? L-Iskrittura tistedinna nħarsu lejn Alla etern, li jsostnina u jġeddidna bil-grazzja tiegħu, kif naqraw:

     Il-ħniena tal-Mulej bla tmiem; tjubitu ma tonqos qatt.
     Jiġġeddu kull filgħodu, kbira l-fedeltà tiegħek.
                                         Biki ta' Ġeremija 3:22-23. 

Il-Mulej hu nixxiegħa ta’ ilma frisk li ma tinxef qatt; mingħandu nibqgħu ta’ kuljum nirċievu ħniena u tjieba. Bħalma titla’ x-xemx u ddawwal id-dinja wara d-dalma tal-lejl, hekk ukoll il-Mulej ta' kuljum iġedded imħabbtu lejna li nafdaw fih.

Għalhekk fil-bidu ta’ sena ġdida, f’kull jum tas-sena, f’kull mument ta’ ħajjitna, ejja nittamaw fil-Mulej; b’hekk inkunu nistgħu nħarsu 'l quddiem b'tama u kuraġġ kbir.

Tassew ma nafux x’hemm lest għalina, imma nafu l-Mulej; nafu li hu twajjeb mal-poplu tiegħu; huwa jżomm kelmtu; ma jitlaqna qatt, le, lanqas fil-wied ta’ dell il-mewt; u fl-aħħar mill-aħħar il-Mulej iwassalna fid-dar tal-Missier.