Lil Ommi

Ommi kienet mara għaqlija, bieżla u fuq kollox kellha qalb kbira. Sa minn ċkunitha ddedikat ħajjitha għall-qadi ta’ ħaddierħor. Ħabbet lil żewġha. Rabbiet lili u lil ħuti b’tant sagrifiċju, ħlewwa u għożża.

Illum ommi m’għadhiex magħna. Jibqgħu biss it-tifkiriet sbieħ u l-gratitudni ta’ wlieda għall-ħidma, l-eżempju u l-imħabbha tagħha.

Meta għidt lit-tifel li n-nanna mietet, John staqsieni: “Papà, qed tibki?” Iva, ibni, nibki. Id-dmugħ hu sinjal tad-dieqa li ġgib magħha l-firda. Fl-istess ħin id-dmugħ ma jfissirx disprament imma huwa wkoll l-espressjoni ta’ ferħ u tama.

Ommi emmnet u afdat ruħha f’idejn ir-Ragħaj it-Tajjeb, il-Mulej Ġesù Kristu, u imxiet warah. Hu ħa ħsiebha matul ħajjitha, kien magħha dejjem, imqar fil-wied ta’ dell il-mewt, u wassalha fl-hena ta’ Dar il-Missier. Nifraħ, iva, għax bħal ma qalet binti Elizabeth, “In-nanna marret ħdejn Ġesú.”

Għad jasal il-jum li int u jien irridu nitilqu wkoll. Dak kollu li huwa tad-dinja – il-ġid materjali, flus, il-possessjonijiet, il-pożizzjoni fis-soċjetà, l-għeżież, il-gost u t-tbatija – kollox jispiċċa u jisfuma fix-xejn. Ħaġa waħda tibqa’. Il-fidi. Il-fidi fi Kristu. Għax il-fidi tisfida l-agħar għadu tagħna, il-mewt, u tifħilna l-bieb biex nidħlu fl-hena u l-ħajja eterna permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu.