Is-sbuħija ma niflaħhiex!


Il-filosfu Albert Camus kiteb, “Is-sbuħija ma niflaħhiex, twassalna biex niddispraw, għax għal minuta toffrilna titwila fuq eternità li nixtiequ nġebbdu għal tul iż-żmien kollu.”

Għaliex Camus jgħid li ma jġerraħx is-sbuħija? Kieku kiteb li ma jiflaħx għall-mard, jew għat-tbatija, jew għall-inġustizzja, konna nifhmuh mill-ewwel. Imma l-ħassieb jiddispra quddiem s-sbuħija!

Aħna wkoll nafu xi ħaġa minn dan il-konflitt. Is-sbuħija ta’ warda huwa għal waqt wieħed; fi ftit jiem titbiel u tinxef. Ix-xjuħija m’għandhiex ħniena mis-sbuħija u s-saħħa taż-żgħożija. Anke l-isbaħ relazzjonijiet umani – l-għożża u l-imħabba tar-raġel għal martu, u tal-ġenituri ma’ wliedhom – dawn ukoll jiġu fi tmiemhom.

Din hi d-dilemma tagħna. Għax aħna ma rriduhomx jintemmu! Irridu nħaddnu magħna s-sbuħija għal dejjem, iżda l-mewt toftomna minn dak li ngħożżu u jferraħna.

Is-sbuħija kienet tkun assurda u krudili li ma kienx għall-ġrajja li seħħet fl-Għid. Il-qabar vojt jnissel tama. Il-laqgħa ma’ Ġesù ħaj tagħtina perspettiva ġdida.

Is-sbuħija madwarna tibqa’ tferraħna għax tipponta lejn it-tjieba tal-Ħallieq. Nafu li tintemm. Nafu wkoll għalfejn tintemm. It-tbatija u t-taħsir jfakkruna li l-ħolqien m’għadux il-ġnien sabiħ tal-bidu. Il-mewt hi x-xhieda li fid-dinja daħal id-dnub. Imma issa l-Feddej neħħa d-dnub bis-salib u rebaħ fuq il-mewt. Ġesù qam! Għalhekk l-għotjiet sbieħ t’Alla ta’ bħalissa jsiru pleġġ ta’ għotjiet isbaħ li Alla ħejja għalina li nemmnu f’Ibnu.

“Imbierek ikun Alla u missier Sidna Ġesù Kristu, li bil-ħniena kbira tiegħu reġa’ wilidna għal tama ħajja bil-qawma ta’ Ġesù Kristu minn bejn l-imwiet, għal wirt li ma jitħassarx, ma jittebbax u ma jgħibx, merfugħ fis-sema għalikom” (1 Pietru 1:3, 4).

Lilna li nafdaw fil-Mulej Ġesù, is-sbuħija thennina u tagħtina tama. Is-sbuħija toffrilna titwila fuq eternità hiena li bil-grazzja t’Alla u bil-qawmien ta’ Kristu se ngawdu għal żmien li ma jintemmx.