Issebbaħ Ruħi l-Mulej

Meta l-mara, li rċeviet l-unur waħdieni li tkun omm il-Messija, fetħet fommha, ma nstemgħetx tiftaħar biha nfisha. Marija nfexxet f’għanja ta’ glorja lil Alla, “Issebbaħ ruħi l-Mulej!” (Luqa 1:46-49).

Marija kienet meraviljata kif Alla ħares lejn “iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu.” Mal-privileġġ kbir li taha, Alla żejjinha wkoll b’umiltà biex tibqa’ tara ċar. Hi żgħira, hu kbir; hi l-qaddejja, huwa s-Sid! Marija riedet biss tfaħħar l-isem qaddis t’Alla għall-ħwejjeġ kbar li għamel magħha.

Dan ma jfissirx li ma nistgħux nammiraw u nifirħu bil-virtujiet sħieħ ta’ Marija, speċjalment l-umiltà, il-fidi u l-ubbidjenza tagħha għas-sejħa tal-Mulej. B’daqshekk ma nkunu nnaqqsu xejn mill-glorja t’Alla. Jekk inħares lejn biċċa xogħol tal-arti u ngħid, “Kemm hi sabiħa,” inkun qed nonqos mill-ġieħ lill-artist? Le, anzi nkun qed nonorah. Bl-istess mod Marija hi l-kapolavur t’Alla u għaldaqstant meta nsejħulha mbierka, aħna nkunu nigglorifikaw ’l Alla li sawwarha.

Is-sbuħija ta’ Marija tibbrilla fl-intenzjoni u x-xewqa ta’ ruħha. Hi riedet biss li l-Mulej jkun eżaltat u mfaħħar. Inkunu fhimna tassew lil Marija jekk inqisuha bħala l-mudell tagħna biex bħalha ngħollu ħarsitna lejn is-sema u nfaħħru ’l Alla.

Imma dan jibqa’ biss kliem fieragħ jekk ma nesperjenzawx il-grazzja t’Alla u ma nduqux kemm hu tajjeb il-Mulej. Mhux qabel ma nammettu ċ-ċokon u x-xejn tagħna, u nirċievu mingħand Alla l-għotja tas-salvazzjoni permezz tal-fidi f’Ibnu Ġesù, iva, li jkollna l-privileġġ nsiru l-qaddejja tas-Sid Sovran u Mbierek, imbagħad l-passjoni ta’ ruħna tkun li nsebbħu u nfaħħru lil Alla għall-ħwejjeġ kbar li għamel magħna. Ir-ruħ mifdija u mogħnija bil-grazzja biss tlissen bil-ferħ, “Issebbaħ ruħi l-Mulej!”