Posts

Showing posts from June, 2016

Alla s-Salvatur tiegħi

Image
Marija kienet tqis lil Alla bħala s-Salvatur tagħha, kif qalet fil-manifikat, “L-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi.” L-ewwel missier tagħna, Adam, dineb, u miegħu waqgħat l-umanità kollha fid-dnub. Bħal David, kollha kemm aħna nistgħu nistqarru, “Ara, jien kont imsawwar fil-ħażen; u fid-dnub ommi nisslitni” (Salmi 51:5), għax kif kiteb l-Appostlu Pawlu, “bil-ħtija ta’ wieħed waqgħet il-kundanna fuq il-bnedmin kollha” (Rumani 5:18). Fit-teoloġija dan jissejjaħ ‘id-dnub tan-nisel.’ Matul l-istorja tal-knisja kien hemm dibattitu sħiħ jekk Marija wkoll kinitx mtebba’ bid-dnub oriġinali jew le. Filwaqt li ħafna Nsara għadhom jemmnu li l-bnedmin kollha, inkluż Marija, huma mnissla fid-dnub, fl-1854 il-Papa Piju IX ipproklama d-domma tal-Immakulata Kunċizzjoni. Għalkemm m’hemmx qbil dwar meta kienet mifdija, jekk kienx fil-konċepiment jew aktar tard, madankollu lkoll nemmnu, inkluż il-Kattoliċi, li Marija kellha bżonn il-fidwa, bil-grazzja t’Alla u bil-merti ta’ Kristu.