San Pietru u San Pawl


Il-messaġġ li xandru elfejn sena ilu Pietru u Pawlu għadu relevanti għalina illum. Huma ħabbru l-evanġelju ta’ Kristu li bih nistgħu nkunu rikonċiljati m'Alla u niksbu l-għotja tal-ħajja ta' dejjem. Nagħmlu sew nerġgħu nisimgħuh fil-qawwa u s-safa tiegħu.

Illum qed ngħixu f’soċjetà pluralista, kif wara kollox kienu jgħixu huma. X’kien il-messaġġ tagħhom għall-ġnus u għal ħuthom il-Lhud? Kienu jgħidulhom li minkejja r-reliġjonijiet diversi, kulħadd jista’ jilħaq ‘l Alla bil-mezzi tiegħu u jikseb is-salvazzjoni bl-isforzi sinċiera tiegħu?

L-Appostlu Pietru stqarr li Ġesù huwa l-Kristu, Bin Alla l-ħaj. Ġesù ma kienx bniedem ordinajru. Ma kienx sempliċiment profeta ieħor. Ġesù huwa uniku. Il-missjoni tiegħu kienet unika. Għal Pietru l-Mulej Ġesù ma kienx wieħed mill-mezzi biex insalvaw. Lanqas ma kien biss l-aħjar mezz ta’ salvazzjoni. Ġesù hu l-uniku Salvatur. “F'ħadd ħliefu ma hemm salvazzjoni, għax imkien taħt is-sema ma hemm isem ieħor mogħti lill-bnedmin li bih aħna għandna nkunu salvi" (Atti 4:12).

L-Appostlu Pawlu qal eżatt l-istess ħaġa. “Għax wieħed hu Alla, u wieħed hu l-medjatur bejn Alla u l-bniedem, il-Bniedem Kristu Ġesù, li ta lilu nnifsu bħala prezz tal-fidwa għal kulħadd” (1 Tim 2:6, 7). M’hemmx għaxart elef alla, imma Alla wieħed; daqshekk ieħor m’hemmx għaxart elef mezz biex nilħqu ‘l Alla, imma pont wieħed. Dan il-medjatur huwa il-Bniedem Kristu Ġesù. Hu biss kien il-mibgħut minn Alla biex jikseb il-fidwa - il-liberta’ tal-bnedmin mill-ħakma, il-ħtija u l-kastig tad-dnub. Wieħed biss! Wieħed biss offra ħajtu - safja, pura u perfetta - biex jikseb il-ħelsien.

X’se noffri ‘l Alla biex jeħlisni minn dnubieti? Ma nista’ noffrilu xejn għajr dak is-sagrifiċċju li pprovda hu nnifsu għalina, id-demm ta’ Kristu. Permezz ta’ min nista’ nersaq lejn Alla? Nista’ nersaq lejh biss permezz tal-medjatur li hu stess ħatar, Ġesù Kristu. Liema isem se nsejjaħ biex isalvani? Ebda isem ieħor għajr l-isem tal-Mulej Ġesù Kristu!