Marija u t-Talb

L-aħħar darba li niltaqgħu ma’ Marija fir-rakkont storiku tal-Iskrittura huwa fil-bidu tal-ktieb tal-Atti tal-Appostli. Minn hemm ’il quddiem il-Bibbja ma ssemmi xejn dwar il-ħajja ta’ Marija jew it-tmiem tagħha.

Fl-Atti, Luqa jpinġi dan l-inkwatru sempliċi u fl-istess ħin tant sinifikanti. “Lkoll qalb waħda kienu jitolbu flimkien ma' xi nisa u ma' Marija, omm Ġesù, u ma' ħutu” (Atti 1:14). Ġesù kien għadu kemm tela’ lura lejn is-sema. L-appostli kienu miġburin flimkien mal-ewwel dixxipli. Marija, omm Ġesù, kienet fosthom. L-Insara kienu għalenija jitolbu waqt li jistennew l-miġja tal-Ispirtu s-Santu.

X’nitgħallmu mit-talb ta’ Marija u tal-bqija tal-knisja?

Juri l-ewwelnett li l-Insara għandhom aċċess liberu għand il-Missier, speċjalment fit-Testment il-Ġdid, bis-saħħa tal-mewt, il-qawmien u l-medjazzjoni ta’ Kristu. “Permezz tiegħu aħna t-tnejn għandna dħul bi Spirtu wieħed għand il-Missier” (Ef 2:18). Għalhekk l-Iskrittura tinkoraġġina biex “nersqu mela bla biża’ lejn it-tron tal-grazzja, biex naqilgħu ħniena, u nsibu grazzja ta’ għajnuna fil-bżonnijiet tagħna” (Lhud 4:16).

Mhux biss. It-talb huwa sinjal tad-dipendenza u l-fiduċja tal-Insara f’Alla. Ifittxuh għall-bżonnijiet materjali, mqar għall-ħobżna ta’ kuljum, bħal ma jfittxuh għall-maħfra u għas-salvazzjoni ta’ ruħhom. Mhux ta’ b’xejn l-Appostlu Pietru jsejjaħlu “Alla ta’ kull grazzja” (1 Pietru 5:10). Alla huwa l-fonti tal-ħajja u l-grazzji kollha, li jingħatawlna permezz ta’ Kristu.

Fl-aħħarnett, it-talb huwa att ta’ qima lil Alla għax jirrikonoxxi l-omnixjenza tiegħu. “Int, int waħdek, tagħraf qalb ulied il-bnedmin kollha” (1 Slaten 8:39). L-Insara jinvokaw biss Isem il-Mulej għax jafu u jemmnu li Alla waħdu jaf kollox.

Hekk mela l-Ispirtu s-Santu jridna niftakru lil omm Sidna. Iridna niftakruha titlob mad-dixxipli l-oħra. Bħal dejjem Marija hija s-sinjal li turina l-grazzja u l-ħniena t’Alla għalina.

Ħalli nitolbuh għas-salvazzjoni u l-bżonnijiet kollha tagħna, bħalma għamlet hi, l-appostli u l-knisja bikrija. Alla l-Missier jaf kollox, jaf qlubna, dirgħajh miftuħa beraħ għalina u jisma’ talbna meta nersqu lejh permezz ta’ Ġesù, il-medjatur waħdieni.