Sliem Għalik Mimlija bil-Grazzja


Il-grazzja hija t-tema li tiddomina l-messaġġ evanġeliku. Alla jbierek il-bnedmin, mhux għax jistħoqqilhom, imma għax hu twajjeb, ħanin u ġeneruż.

Tfixklet mhux ftit Marija meta l-anġlu sellmilha bil-kliem, "Sliem għalik, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek" (Luqa 1:28). Għaliex kienet mimlija bil-grazzja? X’kien il-favur speċjali li Alla wera magħha? Gabrijel malajr spjegalha li hi kienet sabet grazzja quddiem Alla għax kellha tiled tifel, li huwa l-Iben t’Alla, il-Messija.

L-istess kelma tradotta “mimlija bil-grazzja” tidher darba oħra biss fit-Testment il-Ġdid. Fl-epistola lill-Efesin l-Appostlu Pawlu jelenka l-barkiet kotrana li l-Insara jgawdu minn Alla fosthom l-addozzjoni bħala wlied Alla, il-fidwa u l-maħfra tad-dnubiet. U dan kollu “għat-tifħir tal-glorja tal-grazzja tiegħu, li biha (bil-grazzja) mliena fil-Maħbub tiegħu” (Efesin 1:6). L-Insara huma mimlija bil-grazzja! Għaldaqstant huma ma jedhewx jfaħħruh għall-grazzji tiegħu li fawwar fuqhom b’tant ġenerosità.

Kull grazzja tasal għandna permezz ta’ Ġesù, il-Maħbub t’Alla. Kien għalhekk li l-Missier bagħtu fid-dinja u kien imwieled mill-verġni Marija. “Il-Verb sar bniedem u għammar fostna, u aħna rajna l-glorja tiegħu, il-glorja li għandu mill-Missier bħala Ibnu l-waħdieni, mimli bil-grazzja u l-verità” (Ġwanni 1:14). Ġesù hu “mimli bil-grazzja” li minnha jsawwab bil-kotra fuq ulied Alla: “mill-milja tiegħu aħna lkoll ħadna, grazzja fuq grazzja” (Ġwanni 1:16).

Allura sew jekk hi l-barka unika ta’ Marija li tkun Omm Alla, kif ukoll il-barka ferm akbar li Marija u l-Insara kollha jgawdu, l-għotja tal-ħajja eterna, kollox ġej minn Alla permezz ta’ Kristu. Sebħ u tifħir ’l Alla l-Missier għall-grazzja glorjuża tiegħu li biha mliena fil-Maħbub.