Imorru l-ġenna in-nies tajba?

Dan l-aħħar rajt poster fuq facebook li kien jgħid hekk, “In-nies tajba ma jmorrux il-ġenna imma l-midinbin maħfura” (Good people do not go to heaven – forgiven sinners do). Ħafna għamlu ‘like’ u ‘share’ u kitbu ammen u kummenti ta’ approvazzjoni għal din l-istqarrija interessanti. Problema waħda nara: din l-istqarrija hi falza.

Forsi dawk in-nies li xxerjawha ħasbu li qed iwasslu l-evanġelju tal-grazzja. Imma dak il-kliem mhux l-evanġejlu veru. Huwa ‘vanġelu’ ieħor, perverżjoni qarrieqa li jwassal għat-telfien ta’ dawk kollha li jsegwu ereżija bħal din.

Fejn, nistaqsi, għandhom imorru in-nies tajba? Għaliex għandu Alla jikkundanna nies tajba u jibgħathom l-infern? Żgur mhux għax huma tajbin! Ma jagħmilx is-sewwa l-Imħallef tal-art kollha?

Qaddej tajjeb

Fl-Iskrittura naqraw messaġġ għalkollox differenti minn dak il-poster. L-appostlu li b’tant saħħa xandar il-ġustifikazzjoni għal dak li “bla ma jagħmel opri, jemmen lil Alla” (Rumani 4:5), fl-istess epistola jwissina li Alla “jagħti l-ħajja ta' dejjem lil dawk li jipperseveraw sal-aħħar fl-għemil it-tajjeb,” u jtenni li Alla jagħti “glorja u ġieħ u sliem għal kull min jagħmel it-tajjeb” (Rumani 2:8, 10). Tassew, in-nies tajba jmorru l-ġenna!

L-Imħallef innifsu, Ġesù, jgħidilna bla tlaqliq li għas-sejħa tiegħu l-mejtin għad iqumu, “dawk li jkunu għamlu t-tajjeb iqumu għall-ħajja, imma dawk li jkunu għamlu l-ħażin iqumu għall-kundanna” (Ġwanni 5:28, 29). Ġesù jwissi lill-għażżiena u l-indifferenti li għad imorru fil-kastig ta’ dejjem, filwaqt li “l-ġusti fil-ħajja ta’ dejjem” (Mattew 25:46).

Il-poster jgħid li n-nies tajba ma jmorrux il-ġenna, imma fil-fatt il-Sid isejjaħ “tajjeb” lil kull wieħed li jisma’ minnu, “Sewwa, qaddej tajjeb u fidil … idħol fl-hena ta' sidek” (Mattew 25:23).

Ġesù jsejjaħ il-midinbin

Imma forsi xi ħadd joġġezzjona. Ma tgħallimx l-Bibbja li Ġesù ma ġiex isejjaħ il-ġusti imma l-midinbin? (Luqa 5:32).

Tassew, Ġesù ġie u sejjaħ il-midinbin. Hekk għadu jagħmel sal-lum, u lil dawk kollha li jisimgħu s-sejħa tiegħu jagħtihom il-maħfra u rikonċiljazzjoni m’Alla. Imma dan mhux kollox. Ġesù jsejjaħ il-mindinbin għall-indiema, għal bidla fi ħsiebhom, u allura, għal bidla fl-attitudni u l-imġiba tagħhom. Isejħilhom biex iwarrbu d-dnub. Isejħilhom biex jiċħdu lilhom infushom, jerfgħu salibhom u jimxu warajh. Lil dawk li jsejjaħ, il-Feddej jaħfer u jmexxihom fit-triq tas-sewwa.

Salvazzjoni sħiħa

Ma ninsew qatt din il-verità biblika. Is-salvazzjoni t’Alla mhix maħfra biss. Alla wkoll iqaddes lil dawk kollha li jaħfer. Jagħtihom qalb ġdida u ubbidjenti, jeħlishom mill-ħakma tad-dnub, u fuq kollox, jagħtihom l-Ispirtu s-Santu biex jibdilhom fix-xbieha ta’ Ibnu.

Ma nġibx fix-xejn il-ħidma ta’ Kristu fuq is-salib billi nippretendi li nista’ nimmerita s-salvazzjoni b’xi opri tajba tiegħi, u lanqas inġib fix-xejn il-ħidma ta’ Kristu bl-Ispirtu li jittrasforma l-midinbin f’qaddisin. Il-fuħħari jieħu f’idejh biċċa tajn u jibdilha f’kapulavur ta’ glorja.

Il-midinbin maħfura jmorru l-ġenna; in-nies tajba jmorru l-ġenna. Dawn huma l-istess nies – mafura u mibdula – bil-grazzja t’Alla.