Marija turi l-ħniena t’Alla

Għalfejn xi wħud jippreferu jitolbu lil Marija u l-qaddisin fis-sema aktarx milli jitolbu ‘l Alla? Forsi għax jaħsbu li Alla huwa mbiegħed, aħrax jew imqit?

Marija stess tfarrak biċċiet din l-immaġni grotteska u idolatruża t’Alla. Hi tassigurana li “l-ħniena tiegħu tinfirex f'kull żmien fuq dawk li jibżgħu minnu” (Luqa 1:50). Alla hu ħanin. Alla hu ħanin f’kull żmien, anki fi żmienna. Il-ħniena tiegħu tilħaq lilna wkoll.

Marija twissi li Alla jxerred lill-kburin f’qalbhom filwaqt li jgħolli liċ-ċkejkin, lil dawk li jibżgħu minnu. Dawn jafu li ma jistħoqqilhom xejn għajr l-għadab u l-kastig tiegħu. Jibżgħu minn Alla għax jagħrfu kemm hu kbir, qaddis, ġust u majestuż. Għalhekk jiġu għandu b’umiltà, rispett u qima.

Fl-istess waqt huma jemmnu li Alla huwa twajjeb u għalhekk jagħmlu kuraġġ u jersqu lejh. Il-kunfidenza tagħhom hi msejjsa fuq l- konvinzjoni sħiħa li Alla huwa ħanin. Alla qatt ma warrab imqar bniedem wieħed li talbu ħniena.

Marija tixhed għat-tjieba u l-ħlewwa t’Alla. Hi xhud li Alla hekk ħabb id-dinja li ta l-Ibnu l-għażiż. Hi stess ġarritu f’ġufha, wellditu u rabbietu. Marija tixhed ukoll li Ġesù bata u miet, il-ġust għall-inġusti, biex iressaqhom lejn Alla. Marija kienet hemm taħt is-salib u ratu jagħti ħajtu b’fidwa għal ħafna.

Jekk qatt kellek dubju fuq it-tjieba u l-ħlewwa t’Alla, ħares lejn is-salib ta’ Kristu. Kien Alla l-Missier li bagħat l-Ibnu biex iħabbibna miegħu. Daqshekk hu ħanin Alla! Ejja mela nagħmlu l-qalb u nersqu lejh b’reverenza u b’fidi sħiħa. Il-ħniena tiegħu tinferex fuqna wkoll jekk nersqu lejh permezz ta’ Ibnu.