Is-salib: il-pulptu t'Alla

Is-salib huwa l-pulptu t’Alla li minnu jiprietka b’leħen qawwi il-messaġġ tiegħu lill-umanità.

Bis-salib Alla jwissina kemm hu ikraħ id-dnub. Il-konsegwenzi tad-dnub huma gravi u fatali. Jekk ma ħafirhiex lil Ibnu l-maħbub, kemm anqas nistgħu naħarbu aħna mill-mewt fl-infern jekk nibqgħu mtaqqla bid-dnubiet u l-ħażen tagħna. Alla hu perfettament ġust, u l-ħlas tad-dnub huwa l-mewt.

Bis-salib Alla jxandar l-imħabba u l-ħniena tiegħu. Dak li miet fuq is-salib bagħtu Alla stess biex iħallas id-dejn tad-dnubiet ta’ ħaddieħor. Ġesù ma kellu ebda dnub tiegħu nnifsu; hu tgħabba bid-dnubiet tal-poplu tiegħu, u bata u miet biex jeħlishom mill-kastig li kien jistħoqqilhom huma.

Bis-salib Alla jipproklama l-aħbar it-tajba lid-dinja, it-triq unika li twassal għall-ħajja. Kristu m’għadux aktar imdendel mal-għuda. Wara li miet u difnuh, mat-tielet jum Kristu qam minn bejn l-imwiet. Is-sagrifiċċju waħdieni tiegħu kien milqugħ minn Alla. M’hemm ebda saġrifiċċju ieħor għat-tpattija tad-dnubiet. Illum Kristu huwa ħaj u merfugħ fil-glorja tas-sema. Hu jsalva għalkollox lil dawk kollha li bih jersqu lejn Alla.

Ħabib, mill-pulptu tal-Kalvarju isma’ t-twissija t’Alla u ibża’; isma’ l-istedina tiegħu u afda s-salvazzjoni ta’ ruħek f’idejn Kristu. Imbagħad tisma’ mis-salib id-dikjarazzjoni ħelwa tal-Missier, “Bi mħabba ta' dejjem ħabbejtek, għalhekk il-ħlewwa tiegħi rfajt għalik” (Ġer. 31:3).