Is-sawm u t-tpattija għad-dnubiet


Il-Bibbja tgħallem li l-Insara għandhom isumu. L-Imgħallem Ġesù kien isum, u għallem id-dixxipli tiegħu kif għandhom isumu. Bis-sawm u t-talb ulied Alla jesprimu l-indiemu u l-ħerqa li jfittxu l-għajnuna u l-favur t’Alla.

Il-Knisja Kattolika wkoll tinkoraġġixxi s-sawm u l-astinenza, speċjalment fi żmien ir-Randan. Fost id-diversi raġunijiet għas-sawm, il-Knisja tgħallem li l-penitenzi għandhom isiru bi tpattija għal dnubietna.

Dan it-tagħlim jinkwetani. L-Iskrittura ma tgħallimx li dnubietna jitpattew bis-sagrifiċċji tagħna jew xi ħaġa oħra li nagħmlu aħna. Barra minn hekk dan it-tagħlim jostor is-sinifikat tal-mewt ta’ Kristu fuq is-salib.

L-Iskrittura tgħallimna li l-Iben t’Alla sar bniedem bħalna biex ikun il-Qassis il-Kbir u “biex ipatti għal dnubiet il-poplu” (Lhud 2:17). L-istess jgħid l-Appostlu San Ġwann, “hu jħallas għal dnubietna”; Alla ”bagħat lil Ibnu biex ikun ta' tpattija għal dnubietna”; “id-demm ta' Ġesù Kristu Ibnu jnaddafna minn kull dnub (1 Ġwanni 2:2; 4:10; 1:7). Dwar Ġesù, l-Appostlu San Pawl jgħid li “Alla qiegħdu sagrifiċċju ta' tpattija għall-maħfra tad-dnubiet għal dawk li jemmnu bih. U dan bis-saħħa ta' demmu” (Rumani 3:25).

Tajjeb nistaqsu ftit mistoqsijiet.
  • Min, skont l-Iskrittura, jpatti għad-dnubiet – il-midneb jew Kristu?
  • X’ipatti għad-dnubiet – is-sawm jew id-demm ta’ Kristu?
  • Kien biżżejjed dak li għamel Ġesù biex jiksbilna l-maħfra jew jeħtieġ nżidu xi ħaġa aħna?
Ħabib, kif twieġeb inti? Ngħid għalija jien nemmen b’qalbi kollha fi Kristu u nirringrazzja ‘l Alla li ħafirli dnubieti permezz ta’ Ibnu. Għall-maħfra ma nserraħx fuq xi ħaġa li nagħmel jien imma f’dak li għamel Kristu għalija fuq is-salib. Nitlob ‘l Alla li inti tagħmel l-istess.