Ħares u Tfieq


Alla ħelishom mill-madmad tal-iskjavitu, mexa magħhom fid-deżeret, ħa ħsiebhom, provdielhom x’jieklu u x’jixorbu, u wegħdhom art li tnixxi ħalib u għasel.

Wieħed jistenna li jkunu rikonoxxenti u grati lejh, imma le, il-poplu Lhudi ma hediex igemgem kontra Alla tagħhom. Id-dgergir tagħhom kien ifisser nuqqas ta’ fiduċja fit-tjieba t’Alla. Ma emmnuhx. Ma afdawhx. Mhux ta’ b’xejn Alla kkastigahom billi bagħtilhom sriep valenużi. (Ara Numri 21:4-9.)

Meta ammettew il-ħażen tagħhom staqsew lil Mosè biex jidħol għalihom. Il-profeta talab 'l Alla għall-poplu. Alla qal lil Mosè biex jgħolli serp tal-bronż fuq qasba biex jekk xi ħadd jingidem, iħares lejh u jfieq.

Forsi xi wħud minnhom qalu, ‘Din bla sens! Kif tista’ tispjega li bniedem qed imut avvelinat, jekk iħares lejn serp tal-bronż, ifieq?’ Madankollu dawk li kienu stinata u pprovaw iddewwu lilhom nfushom kif jidhrilhom huma, mietu. Iżda oħrajn irraġunaw mod ieħor, ‘Ladarba hekk qal Alla, jien inħares!’ Dawk li ħarsu lejn is-serp tal-bronż għaddielhom u baqgħu ħajjin għax Alla jonora lil dawk li jemmnuh.

B’istess mod, għall-fejqan ta’ ruħna Alla jridna nħarsu bil-fidi lejn Ibnu msallab. Forsi wieħed jgħid, ‘Jien nipprova ngħix tajjeb u jekk niżbalja, inpatti jien stess għal dnubieti b'penitenzi u opri tajba.’ Imma attitudni bħal din turi nuqqas ta’ fiduċja fil-Kelma t’Alla. Kemm hu aħjar tgħid, ‘Jien nemmen il-wegħda t'Alla. Nemmen li l-Bniedem li kien imdenel mas-salib hu Bin Alla, is-Salvatur. Alla jridni nemmen fih. Għalhekk jien nafda s-salvazzjoni ta’ ruħi f’idejh.’

Dan il-bniedem isib il-maħfra u l-paċi m’Alla. Għax ‘kif Mose għolla s-serp fid-deżert, hekk jeħtieġ jitgħolla Bin il-bniedem, biex kull min jemmen fih ma jintilifx iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem’ (Ġwanni 3:14-15).