1.8.17

It-tfal jgħallmuna

Aħna l-kbar suppost ngħallmu liż-żgħar; jekk noqgħodu attenti t-tfal ukoll għandhom x’jgħallmuna. Infatti l-Imgħallem qalilna li jekk ma nsirux bħalhom b’xejn ma nidħlu fis-saltna tas-smewwiet. X’għandhom it-tfal li hu daqshekk indispensabbli?

Kont qed nitkellem mat-tifla fil-ħin tal-irqad. Is-suġġett kien dwar il-ġenna.

‘Lil min tixtieq tara l-aktar meta tmur il-ġenna?’ staqsejtha.

‘Lil Ġesù,’ weġbitni.

‘X’se tgħidlu lil Ġesù meta tarah?’ komplejt jien.

‘Nagħtih hug kbira.’

‘Imma x’se tgħidlu?’ insistejt jien.

‘Inħobbok Ġesù!’

‘U Ġesù x’se jgħidlek?’

‘Inħobbok Elizabeth!’ wiġbitni bi tbissima.

‘Kif se jurik li jħobbok?’

It-tifla ma tkellmitx.

‘Elizabeth,’ għidtilha jien, ‘Forsi Ġesù jurik idejh. Min jaf għadhomx jidhru l-marki tal-imsiemer? Dawk il-feriti jfissru li Ġesù kien msammar mas-salib biex ipatti għal dnubietek u jsalvak.’

Elizabeth baqgħet kwieta.

Ksirt is-silenzju, ‘Ma min aktar trid tiltaqa’ fil-ġenna?’

It-tifla weġbitni dritt: ‘Jien irrid noqgħod ma’ Ġesù għal dejjem!’

Forsi din hi waħda mill-leżżjonijet li jridna nitgħallmu mit-tfal - li jkollna qalb sempliċi, tixxennaq għalih, u li ma kull taħbita ttenni, “Min għandi fis-sema ħliefek? U m’hemm ħadd fl-art li nixtiequ ħliefek” (Salm 73:25).