Sola Scriptura


Bil-frażi Latina Sola Scriptura (L-Iskrittura Biss) irridu nfissru li l-Bibbja hi l-unika regola infallibbli għall-Kristjani.

1. L-Iskrittura hi r-regola, jew il-gwida, li tgħallimna x’għandna nemmnu u kif għandna ngħixu f’relazzjoni sewwa m’Alla. 

2. L-Iskrittura hi infallibbli (ma tistax tiżbalja) għax hi mogħtija b’ispirazzjoni minn Alla; il-Kelma ħierġa minn fomm il-Mulej. Ta’ min joqgħod fuqha għax l-Awtur tagħha, Alla għaref u fidil, la jiżbalja u lanqas jigdeb.

3. Hi l-unika regola għax it-tagħlim tal-Iskrittura hu biżżejjed nagħrfu kif insalvaw u ngħixu ħajja li togħġob ‘l Alla. M’hemmx informazzjoni oħra neċessarja għas-salvazzjoni nieqsa mill-Bibbja u li għandna nfittxu band’ oħra. “L-Iskrittura Mqaddsa tista’ tagħmlek għaref għas-salvazzjoni permezz tal-fidi, li hi fi Kristu Ġesù. L-Iskrittura kollha hi mogħtija b’ispirazzjoni minn Alla, u tiswa’ għat-tagħlim, għaċ-ċanfir, għat-twiddib, għat-taħriġ fil-ħaqq, biex il-bniedem t’Alla jkun perfett, imrawwem għal kull għemil tajjeb” (2 Timotju 3:15-17).

Imma dan kollu jista’ jiftihem u jintuża ħażin. Ejja mela ngħidu wkoll x’ma tfissirx Sola Scriptura.

1. Il-Bibbja ma tinkludix dak kollu li għamel u għallem Ġesù. Fi tmiem l-evanġelju, Ġwanni jammetti li hemm ħafna ħwejjeġ li ma kitibx (Ġwanni 21:25). Madankollu l-kwistjoni mhix jekk għandniex kull informazzjoni fuq Kristu (wara kollox lanqas it-tradizzjoni ma twasslilna tagħrif sħiħ!), imma jekk dak li hemm miktub hux suffiċjenti biex nagħrfu r-rieda t’Alla. Ġwanni jassigurana li hu biżżejjed avolja ma kitibx kull ħaġa (Ġwanni 20:30, 31). L-Iskrittura Mqaddsa “tista’ tagħmlek għaref għas-salvazzjoni.” Biex nissodisfa l-għatx m’għandix bżonn l-ilma kollu; biżżejjed għalija tazza jew tnejn. Alla ma għarrafniex kollox, għarrafna biżżejjed biex jissodisfa ruħna.

2. Lanqas irridu ngħidu li Alla kellem lill-bniedem bil-Kelma miktuba biss. Waqt li kien qed jirrivela l-pjan tas-salvazzjoni, Alla tkellem b’ħafna mezzi bil-profeti u l-appostli, u b’fomm Ibnu stess. Fl-istess waqt l-Ispirtu t’Alla mexxa nies qaddisa biex jiktbu preċiż l-messaġġ li Hu ried jibqa’ għall-ġenerazzjonijiet ta’ wara. Illum m’hawnx aktar appostli u profeti, u Kristu tela’ lura s-sema; jibqagħlna biss il-Kelma miktuba.

3. Sola Scriptura ma tiċħadx l-awtorità tal-knisja li tgħallem ir-rivelazzjoni t’Alla. Il-mexxejja fil-knisja huma l-għotja t’Alla għalina biex jgħinuna nifhmu u napplikaw il-Kelma. Mhux għaqli minn iwarrab l-għotjiet t’Alla u jiżola ruħu mill-bqija tal-knisja preżenti u ta’ l-imgħoddi. Inżidu ngħidu li l-mexxejja għandhom ikunu suġġetti għall-Kelma. Xogħolhom iżżommu safja l-Kelma t’Alla, mhux jivvintaw regoli u duttrini ġodda.

4. Lanqas niċħdu kull tradizzjoni. Il-knisja ta’ Kristu ma tistax tikber u tgħaddi minn ġenerazzjoni għall-oħra mingħajr it-tradizzjoni. Il-kelma “tradizzjoni” sempliċiment tfisser tagħlim mgħoddi minn persuna għal oħra. Għalhekk l-appostlu jgħid lill-Kristjani, “Ħuti, żommu sħiħ, u żommu t-tagħlim (it-tradizzjonijiet) li tgħallimtu, sew bil-kliem, u kemm bl-ittri tagħna” (2 Tessalonkin 2:15). Il-fidi Kristjana tgħaddi minn ġenerazzjoni għall-oħra bit-tagħlim ta’ nies fidili għall-messaġġ appostoliku (2 Timotju 2:2). Nemmnu fit-tradizzjoni, jiġifieri li l-messaġġ ta’ Kristu għandu jkun mxandar bil-fomm u bil-kitba; imma ma nemmnux f’kull tradizzjoni, għax mhux kull tagħlim jaqbel jew joriġina fil-Kelma t’Alla.

5. Fl-aħħarnett, b’Sola Scriptura m’aħniex ngħidu li l-Bibbja se tkun mifhuma dejjem tajjeb, u allura awtomatikament se jkun hawn unità sħiħa bejn l-Kristjani. Kristu tkellem ċar u xorta ma fehmuhx. L-Iskrittura hi ċara biżżejjed iżda minħabba l-għażż, l-injoranza, l-preġudizzji u d-dnub tagħna jinbtu fost l-aħwa ħafna ideat żbaljati. It-tort tagħna, mhux tal-Bibbja.