1.11.17

Ħenn Għalija


F’min qed tafda s-salvazzjoni ta’ ruħek?

Ġesù jgħidilna storja dwar żewġt irġiel Lhud – Fariżew u publikan (Luqa 18:9-14). It-tnejn kienu jemmnu f’Alla. Wieħed kien jgħix ħajja reliġjuża u eżemplari; l-ieħor ma tantx kellu reputazzjoni tajba.

It-tnejn telgħu t-tempju jitolbu. Il-Fariżew qagħad jiftaħar b’rixu u ma talab għal xejn. Il-publikan, bħal tallab, fittex il-ħniena.

It-tnejn niżlu d-dar. Il-Fariżew baqa’ kif kien qabel – ħati f’għajnejn Alla (għalkemm mingħalih kien ġust). Il-publikan mar lejn daru ġustifikat, ħieles u paċi m’Alla. Għax, jgħidilna l-Imgħallem, kull min jitkabbar, jiċċekken, u min jiċċekken, jitkabbar.

Il-kburija tal-ewwel wieħed għamitu. Ma rax lilu nnifsu kif tassew kien – midneb. Għalhekk baqa jħares lejh innifsu u lejn għemil idejh minflok ma fittex 'l Alla għall-maħfra. Ma talbu xejn u ma qala xejn.

Mill-banda l-oħra, il-publikan kien umli u realistiku. Ra ċar li kien midneb, ħati u fallut. Ma kellu ebda pretensjoni jew mertu. Dawwar ħarstu lejn Alla. U Alla, li jagħti grazzja 'l umli, ġġustifikah.

Min minnhom huwa inti? Tqis lilek nnifsek tajjeb jew midneb? Tafda fik innifsek li inti tajjeb jew tafda s-salvazzjoni ta’ ruħek f’idejn Alla? Qatt tlabtu sinċerament, ‘O Alla, kun ħanin miegħi, midneb’?

* * *

Nixtieq noffrilek kopja b'xejn ta' dan il-ktejjeb.