L-Indulġenzi


Il-bejgħ tal-indulġenzi qanqal il-patri Agostinjan, Luteru, sabiex fit-31 ta’ Ottubru 1517, iwaħħal mal-bieb tal-knisja f’Wittenberg id-dokument imsejjaħ Il-95 Teżi. Ma felaħx jara lil niesu jkunu misruqa minn ġidhom u mqarrqin b’tama falza ta’ salvazzjoni. Kien il-bidu tar-Riforma Protestanta.

Għad hemm bżonnha din il-protesta? Il-knisja Kattolika biddlet id-dottrina tagħha?

Jiddsipjaċini ngħid li le; il-Knisja Kattolika għadha tgħallem illum bħalma kienet tgħallem fis-seklu sittax li l-bniedem jikseb il-maħfra ta’ dnubietu permezz ta’ Kristu u permezz tal-mertu tal-opri tajba tiegħu u bil-merti tal-qaddisin.

L-Iskrittura tgħallem mod ieħor. L-Insara huma "salvati bil-grazzja permezz tal-fidi, u dan mhux minnkom infuskom, mhux mill-opri biex ħadd ma jiftaħar... mhux bl-opri tajba li konna għamilna, iżda skont il-ħniena tiegħu salvana’ (Efesin 2:8,9; Titu 3:5). Il-bniedem la jsalva lilu nnifsu bl-opri, wisq anqas jibqagħlu xi mertu "extra" biex isalva lil ħaddieħor.

Ruma tgħid li għandha t-teżor tal-mertu tal-qaddisin li minnu tqassam l-indulġenzi lin-nies. Din hi biss fantasija! "It-teżor veru tal-knisja," kiteb Luteru, "huwa l-evanġelju tal-glorja u l-grazzja t’Alla." Jekk nixtiequ nistagħnew u niksbu l-maħfra jeħtieġ immorru bil-fidi fi ħdan Dak li għandu jdejh u riġlejh minfuda; għand Dak li kien mejjet, u li issa ħaj għal dejjem ta’ dejjem. Għax fi Kristu biss insibu s-sliem, il-ħajja u l-maħfra sħiħa.

Ruma tqis lilha nfisha bħala "d-dispensatriċi tal-fidwa" - fi kliem ieħor, għandek bżonn il-knisja biex titwieled mill-ġdid bil-magħmudija; għandek bżonn il-qassisin biex ikomplu jġeddu s-sagrifiċċju ta’ Kristu fil-quddies, u sabiex jaħfrulek dnubietek bil-qrar; għandek bżonn il-knisja biex teħilsek mill-pwiena ta' dnubietek u mill-purgatorju bl-indulġenzi li tagħtik. Il-messaġġ ċar tal-knisja Kattolika hu, "Jekk trid issalva, ejja għandi."

Mhux hekk kienu jxandru l-Appostli. Huma ħeġġew lin-nies imorru direttament għand Kristu. "Emmen fil-Mulej Ġesù u tkun salvat," kien il-messaġġ tagħhom. Kristu, mhux il-knisja, jiddispensa l-maħfra u l-ħajja eterna. Hu s-Salvatur. Hu jagħti l-ħajja. "Qam Ġesù bil-wieqfa u għajjat, billi qal: 'Jekk xi ħadd għandu l-għatx, ħa jiġi għandi, u jixrob'" (Ġwanni 7:37).

Ruma tippretendi wkoll li għandha dritt toħroġ "ċerti kundizzjonijiet" biex bniedem jikseb il-maħfra. B’liema dritt? Il-kundizzjonijiet kif nikbsu l-maħfra jagħmilhom Alla li tiegħu ksirna l-Liġi; jagħmilhom Alla li hekk ħabb id-dinja li ta ’l Ibnu l-waħdieni. Infatti l-kundizzjonijiet diġà għamilhom u ħallihom bil-miktub fl-Iskrittura. L-ebda bniedem m’għandu jedd ibagħbas mal-Kelma tiegħu. Il-kundizzjonijiet huma l-indiema u l-fidi. L-indiema tfisser iddur mid-dnub lejn Alla; il-fidi tfisser fiduċja sħiħa fi Kristu biss.

Ruma tibqa’ tinsisti fuq xi ħlas – dukati fi żmien Luteru; missirijietna ħallew minn ġidhom b’wirt lill-Kurja biex isirilhom quddies wara mewthom; inti wkoll meħtieġ tagħmel penitenzi bi tpattija għal dnubietek – hu x’inhu, ħlas! L-Iskrittura tgħid mod ieħor. Il-fidwa nxtrat bi prezz ferm ogħla, bid-demm prezzjuż ta’ Kristu mxerred fuq is-salib. Lilna Alla jagħtina l-maħfra u l-ħajja ta’ dejjem b’xejn, bi grazzja, b'favur li ma jistħoqqilniex. Il-Mulej Alla jistedinna, “O intom ilkoll li intom bil-għatx, ejjew għall-ilma; u intom li m’għandkomx flus, ejjew... bla flus u bla ma tħallsu... ejjew għandi” (Isaija 55:1-3).

Ħabib, għand min mort għall-maħfra?