Halloween

Xi ħadd staqsieni: 'X'hemm ħażin li nħalli t-tfal tiegħi jieħdu naqra gost u jiddevertu f'Halloween?' Ejja naħsbu ftit fuq din il-mistoqsija.

Oriġini Pagana

Halloween jaħbat lejlet l-ewwel ta’ Novembru, ‘Jum l-Qaddisin Kollha’ fit-tradizzjoni Kattolika. Infatti l-kelma ‘Halloween’ ġejja minn ‘All Saints Eve’ jew ‘All Hallows Eve’ (‘hallow’ hi kelma qadima li tfisser ‘saint’). Halloween joriġina fis-superstizzjonijiet pagani fl-Irlanda, kif ukoll fit-tradizzjonijiet kattoliċi bikrin intenzjonati biex jieħdu post il-festa pagana.

Halloween Illum

Halloween qed isir aktar popolari f’pajjiżna, anki minħabba interessi kummerċjali. Ħafna ġenituri jħallu lil uliedhom jilbsu maskri u kostumi makabri, u jmorru minn dar għal dar ‘trick or treat’. Ngħid il-verità ma nifhimx kif nista’ niċċelebra dak li minnu nnifsu huwa ikrah u makabru, u wisq anqas ix-xitan, l-iħirsa, l-iskeletri u l-mewt.

Ejja nammettu li dawn m’humiex affarijiet sbieħ. Forsi niżżufjettaw bihom biex nostru l-biża’ li nħossu quddiem ir-realtà kerha tal-mewt? Il-qabar jimmarka t-tmiem tal-vjaġġ qasir tagħna fuq l-art bil-ħolm u l-pjaċir kollha ta' din il-ħajja. Aktar minn hekk ibeżżgħana l-prospett li wara l-mewt għad nidhru quddiem Alla għall-ġudizzju.

L-Isbaħ Treat

Madankollu hemm aħbar tajba għalina! Ġesù Kristu ġie fid-dinja biex jeħlisna mill-biża’ tal-mewt. Lil dawk kollha li jduru lejh bil-fidi, il-Mulej Ġesù jibdel il-qalb grotteska bid-dnub f’waħda sabiħa u nadifa; u jagħtihom tama li tisfida saħansitra l-mewt. ‘Il-ħlas tad-dnub hu l-mewt, imma d-don li tana Alla huwa l-ħajja ta' dejjem fi Kristu Ġesù Sidna’ (Rumani 6:23).

Ġesù jistieden lil kulħadd, lit-tfal u l-ġenituri tagħhom, biex minflok it-‘tricks’ tad-dinja u x-xitan, jilqgħu r-rigal tal-ħajja ta’ dejjem – l-isbaħ ‘treat’ immaġinabbli – li hu kiseb bil-mewt fuq is-salib u l-qawmien glorjuż tiegħu.

Il-Familja Tagħna

Jien u l-familja tiegħi niċċelebraw id-don tal-imħabba u l-ħajja li għandna fi Kristu Ġesù, f'dan il-jum u f'kull jum ieħor tas-sena. Nittama li inti wkoll taqsam dan il-ferħ magħna.

Aħna nilqgħu bil-ferħ lit-tfal li jiġu jħabbtulna, u minbarra l-ħelu nagħtuhom ukoll messaġġ sabiħ dwar Ġesù.