Il-Kunċizzjoni


Fit-8 ta’ Diċembru l-Knisja Kattolika tiċċelebra l-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni. L-Insara Ortodossi u Protestanti ma josservawhiex, l-aktar għax il-Bibbja ma ssemmi xejn li Marija kienet imnissla mingħajr dnub.

Madankollu dawk kollha li jemmnu l-Bibbja ma jistgħux jinsew lil Marija. Kien permezz tagħha, l-omm verġni, li Alla bagħat ’l Ibnu fid-dinja. Alla għamel ħwejjeġ kbar max-xebba ta’ Nażaret, u għal dejjem ulied Alla isejħulha hienja.

Nistgħu nitgħallmu ħafna minnha. Marija għarfet lil Alla bħala s-Salvatur tagħha meta qalet, ‘L-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-salvatur tiegħi.’ Aħna jeħtieġ nagħmlu bħala. Irridu nduru lejn il-Mulej, nammettu ħtijietna u nafdaw ruħna f’idejh, għax l-Iskrittura tistedinna, ‘Alla hekk ħabb id-dinja li ta ’l Ibnu l-waħdieni biex kull min jemmen fih ma jintilifx iżda jkollu l-ħajja ta' dejjem.’

M’hemm ebda Salvatur ħliefu. L-appostlu Pietru qal ċar u tond li ‘f’ħadd ħliefu m’hemm salvazzjoni, għax imkien taħt is-sema m’hemm isem ieħor mogħti lill-bnedmin li bih aħna għandna nkunu salvati’ (Atti 4:12).

L-isem uniku mogħti minn Alla li bih nistgħu neħilsu mill-Infern huwa isem il-Mulej Ġesù. Hu waħdu Alla u bniedem. Hu biss il-Messija. Hu waħdu xerred demmu fuq is-salib biex ipatti għall-ħtijiet ta’ niesu.

Marija ma mititx għal dnubietna; kien Kristu li bil-mewt tiegħu kiseb il-fidwa ta' Marija u ta' dawk kollha li jemmnu fih. Jekk bħal Marija nafdaw is-salvazzjoni tagħna f’idejn il-Mulej, imbagħad ma’ Marija kull wieħed minna jista' jgħid ukoll, ‘L-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi.’