L-Aqwa Mħabba


Ninkwieta u nitnikket meta nisma’ dwar l-abort fuq il-media lokali. Hemm min qed jistinka sabiex, bis-sewwa jew bid-dnewwa, l-abort jiġi legaliżżat f’Malta.

Il-Mulej Ġesù qal li m’hemmx imħabba akbar minn din milli wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu (Ġw 15:13). Xebbaħ lilu nnifsu ma’ ragħaj, u qal li r-Ragħaj it-Tajjeb jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu (Ġw 10:11). L-appostlu Ġwanni jgħidilna li minn hekk għarafna x’inhi l-imħabba: Ġesù Kristu ta ħajtu għalina (1 Ġw 3:16).

L-imħabba tagħti; imħabba akbar tagħti aktar; l-akbar imħabba tagħti kollox – l-akbar imħabba tagħti anki ħajjitha għall-ġid ta’ ħaddieħor.

Xi ngħidu mela għal min minflok jagħti irid jieħu – jieħu saħansitra l-ħajja ta’ ħaddieħor? X’kontradizzjoni meta l-ġenituri, li huma msejjħin biex jagħtu l-ħajja, jagħżlu li jisirquha lil uliedhom! Fejn hi l-imħabba f’soċjetà li minflok tindokra l-ħajja tal-aktar dgħajfa u vulnerabbli, issejjaħ “dritt” il-qtil tal-innoċenti?

Missier Qaddis, il-Fonti u s-Sid tal-ħajja, nitolbuk biex b’id waħda trażżen dan il-ħażen minn pajjiżna; u bl-id l-oħra ssawwab xita ta’ mħabba fuq din l-art niexfa u għatxana, biex minflok il-mewt, twarrad bil-ġenerożità bħal ta’ Sidna Ġesù Kristu.

* * *

Nixtieq noffrilek dan il-ktejjeb b'xejn.