1.1.18

Facebook


Bħal kull biċċa għodda oħra, facebook jista’ jintuża tajjeb jew ħażin, għall-ġid jew għad-deni.

PUBBLIKU

Jeħtieġ inżommu f’moħħna li facebook huwa forum pubbliku. Dak li tikteb u tixxerja jista' jarah kulħadd. Ċerta informazzjoni u ritratti huma privati jew jappartjenu għall-familja jew grupp limitat. Għaliex għandek turi ritratt ta’ tfal kważi għarwenin ma’ Malta kollha - fejn hu r-rispett għal uliedek? Għalfejn għandek tgħid lil kulħadd li qegħdin fuq btala, u allura tinforma l-ħallelin li fid-dar m’hemm ħadd? Xi dritt għandek ixxandar informazzjoni fuq persuni oħra mingħajr il-permess tagħhom?

INFORMAZZJONI

Nużaw facebook sewwa jekk bih naqsmu informazzjoni utli u ta’ għajnuna għall-ħaddieħor. Mhux frugħat u frivolità. Mhux malizzja jew tqasqis fuq in-nies. Mhux għall-ftaħir u għall-‘likes’. Personalment nuża facebook l-aktar biex nagħti informazzjoni dwar is-saħħa tat-tfal u biex naqsam kelma tajba mill-evanġelju.

VIZZJU

Facebook jaf ikun ‘addictive’. Kif tqum filgħodu ddur għall-mobile u tiċċekkja facebook. Matul il-ġurnata ma tafx kemm-il darba tintilef fih. Filgħaxija, facebook ikun l-aħħar ħaġa li tara qabel tagħlaq għajnejk. Din hi addiction! Anki jekk biss tqis il-ħin li qed taħli fil-vojt!

SOĊJALI

Facebook huwa meqjus bħala forma ta’ ‘social media’ – suppost huwa soċjali, suppost iqarrbek lejn l-oħrajn. Qatt rajt familja miġbura ma’ mejda f’ristorant u kulħadd mitluf fid-dinja tiegħu - donnhom ma jafux ‘il xulxin? Facebook jista' jibni ħajt li jifred il-familja. Għalkemm jissejjaħ 'face-book,' bih tikkomunika minn wara l-kwinti, mingħajr ħadd ma jara wiċċek. Kemm ikun aħjar li nitfu l-gadgets, u nħarsu lejn xulxin u ngħidu kelma mal-għeżież u l-ħbieb tagħna.

Ikun jaqblilna nużaw anqas il-facebook elettroniku, u nużaw aktar il-facebook spiritwali – billi nfittxu wiċċ Alla fit-talb, u nisimgħu kelmtu fil-ktieb, il-Bibbja Mqaddsa.