Bin il-Mastrudaxxa


Kemm jien kuntent li ommi u missieri semmewni Joseph, għal Ġużeppi, ir-raġel ta’ Marija, il-missier putattiv ta’ Ġesù.

Ġużeppi kien jaqla' l-għixien mix-xogħol tal-injam. Nimmaġina li t-tfajjel Ġesù kien iqatta’ sigħat twal jilgħab fil-ħanut ta’ missieru. Meta beda jikber, Ġużeppi għallmu u ħarrġu fis-sengħa ta’ mastrudaxxa. Qabel beda l-ministeru pubbliku, Ġesù kien jaħdem fl-injam. Infatti n-nies sejħu lil Ġesù “il-mastrudaxxa” u “bin il-mastrudaxxa” (Mark 6:3; Mattew 13:55).

Min jaf x’kien jgħaddi minn moħħu Ġuzeppi josserva lit-tifel jisserra, jixkatla u jsammar fl-injam? Ġużeppi kien jaf li dak ix-xogħol ma kienx il-vokazzjoni aħħarija tiegħu. Kien jaf li t-tifel kellu xogħol wisq aktar importanti x’iwettaq f’ħajtu. Hu stess kien semmih “Ġesù”, isem li jfisser “il-Mulej Salvatur,” bħalma kien qallu l-anġlu f’ħolma. “U hi tiled iben, u int issemmih Ġesù għax hu jeħles il-poplu tiegħu minn dnubiethom” (Mattew 1:21). Il-missjoni ta’ ħajtu kienet il-fidwa tal-bniedem.

Mur għidlu lil dan ir-raġel minn xiex kellu jgħaddi it-tifel li rabbih u ħabbu bħala ibnu sabiex iwettaq il-missjoni tiegħu! Mur għidlu lil Ġużeppi li fil-fjur ta’ ħajtu kienu se  jgħabbulu salib tal-injam fuq spallejh u jsammruh fuqu b’imsiemer tal-ħadid!

Il-Bibbja ma tgħidilniex x’kien sar minn Ġużeppi. Imma nafu li Ġużeppi, u dawk kollha li jafdaw f’bin il-mastrudaxxa, huma salvati minn dnubiethom bis-saħħa tiegħu. B'biċċtejn injam Ġesù bena pont li jlaħħaq mill-art sas-sema.