Id-Dritt għall-Opinjoni



Waqt xi diskursata bejn il-ħbieb jew diskussjoni fuq it-television, sikwit iqum xi ħadd iffakkarna li kulħadd għandu d-dritt għall-opinjoni tiegħu!

Hemm ħwejjeġ li huma tassew kwistjoni ta’ preferenza. Jekk nistaqsi liema l-itjeb pizza, kulħadd għandu l-ġosti tiegħu, u t-tweġiba tiegħek hi valida daqs ta' ħaddieħor.

Madankollu, ma jfissirx li kull opinjoni personali hi neċessarjament korretta. Infatti, meta għandek nies bi ħsibijiet diversi u kontradittorji, ma jistax ikun li kulħadd għandu raġun. Mhux kull realtà hi bħall-gosti għall-ikel!

Hi assurdità jekk naħsbu li kull idea hi valida. Hemm opinjonijiet żbaljati! Wieħed jemmen li l-abort qtil; l-ieħor jemmen li l-abort mhux ħażin, anzi d-dritt ta’ kull mara li tagħżel x’tagħmel bit-tqala tagħha. Ħaġa waħda hi żgura: opinjonijiet kontradittorji ma jistgħux ikunu t-tnejn korretti.

Il-Kristjan jemmen li hemm Alla wieħed; l-ateist konvint li m’hemmx Alla, imma żgur li mhux it-tnejn għandhom raġun! Il-Kristjan jemmen li b’Ġesù biss nistgħu nsalvaw; xi ħadd ieħor jemmen li hemm diversi toroq li jwasslu għall-ġenna. Żgur li xi ħadd minnhom żbaljat.

Aktarx milli nigglorifikaw "id-dritt għall-opinjoni", kull wieħed messu jistinka sabiex l-opinjoni tiegħu tkun dritta; li dak li nemmen jaqbel mar-riga tal-verità. Għax il-verità hi dik li hi, u mhux se naħarbu minnha anki jekk niċħduha, ninjorawha jew naqilbuha ta’ taħt fuq.

Alla jeżisti, jgħid x’jgħid l-ateist, u għad jidher quddiemu għall-ġudizzju. Dakinhar ikun tard wisq biex jagħraf il-bluha tiegħu. Ġesù hu t-Triq, u ħadd ma jmur għand il-Missier ħlief permezz tiegħu. Min ma jafdax fih, imma jippretendi li jsalva b’xi mezz ieħor, għandu l-eternità fl-infern jagħli għall-iżball fatali tiegħu.